Daniel Bogdanovic – li hu persuna qrib il-Ministru Justyne Caruana – għadu qed jaħdem fil-Ministeru, tal-Edukazzjoni, iżda mingħajr kuntratt.
Kienet il-Ministru nnifisha li kkonfermat dan ma’ NET News meta mistoqsija dwar x’inhu xogħol Bogdanovic fil-Ministeru mmexxi minnha.
Fl-2019, meta Justyne Caruana kienet Ministru għal Għawdex, l-eks futboler ingħata impjieg mal-Gvern fi ħdan l-istess Ministeru. U wara li f’Novembru 2020 Caruana nħatret Ministru tal-Edukazzjoni, informazzjoni mis-sistema taċ-Ċivil uriet li – xahar biss wara – hu ddaħħal jaħdem bħala “Edukatur Sportiv”.
Dan qabel ma, f’Jannar ta’ din is-sena, ingħata kuntratt ġdid ta’ 5,000 ewro fix-xahar biex isegwi l-mod kif qed titħaddem l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, li wkoll taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Justyne Caruana … kuntratt li eventwalment kellu jitwaqqa’.
Iżda minkejja dan kollu, Daniel Bogdanovic jidher li baqa’ impjegat fil-Ministeru. U għalkemm mhux ċar x’inhu r-rwol tiegħu, issa ħarġet il-konferma li lanqas biss għandu kuntratt.
Sadanittant, il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li ma tħossx li għandha titlob apoloġija lill-eks mara tal-eks futboler u oħtha minkejja li l-Caruana naqset milli tidher quddiem il-Qorti biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha wara li kienet il-Ministru stess li oriġinarjament ressqet kwerela kontrihom.
L-eks mara ta’ Bogdanovic u oħtha marru l-Qorti biex iwieġbu għall-akkużi li saru fil-konfront tagħhom. Madankollu, wara li l-Ministru ma marritx, il-każ twaqqa’, bil-Prosekuzzjoni tgħid li mxiet fuq l-allegazzjonijiet ta’ Caruana u m’għandha xejn aktar xi żżid.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti lliberat liż-żewġ aħwa minn kull akkuża wara li ma sabet l-ebda ħtija fil-konfront tagħhom. Iżda l-Ministru Caruana qed issostni li ma marritx il-Qorti għax l-allegat harassment waqaf.
Oriġinarjament, il-każ kien tmexxa mill-Ispettur Joseph Gauci, li ħuh jaħdem fis-Segretarjat tal-Ministru Justyne Caruan nnifisha.
//= $special ?>