Lokali

Għal detenzjoni b’dixxiplina u dinjità

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel sett ta’ proposti, frott il-ħidma tal-clusters li l-ħidma tagħhom bdiet tilħaq il-qofol tagħha fl-aħħar jiem.

Il-konferenza tal-aħbarijiet – indirizzata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami, kif ukoll mill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Graziella Galea, Errol Cutajar u Darren Carabott – trattat is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

Il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li qed titqarreb lejn kollass. Tant hu hekk li bħalissa, fil-Faċilità jgħixu aktar nies minn darbtejn tal-popolazzjoni li tiflaħ.

Il-cluster għas-Sigurtà nieda disa’ inizjattivi biex tissokta d-diskussjoni u li għandhom iwasslu għal:
• tnaqqis fil-popolazzjoni tal-Ħabs f’Malta;
u għaldaqstant jinkisbu:
• kundizzjonijiet aktar umani għall-priġunieri;
• ambjent tax-xogħol aħjar għall-Gwardjani u għall-kumplament tal-istaff;
• is-serħan il-moħħ li s-sitwazzjoni hi kkontrollata.

Il-proposti mressqa huma dawn:

Proposta 1: Estensjoni strutturali tal-Faċilità attwali ta’ Kordin.

Proposta 2: Arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji.

Proposta 3: Nipprovdu postijiet aktar adegwati ta’ half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anke għal integrazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà.

Proposta 4: Nipprovdu trattament aktar xieraq lill-vittmi tal-vizzju tad-droga, ’l bogħod mill-Ħabs, simili għall-‘Prison Inmate Programme li tmexxi l-Caritas.

Proposta 5: Ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin lejn pajjiżhom.

Proposta 6: Indaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar it-tagging elettroniku, li permezz tagħha l-priġunieri jkunu jistgħu jservu s-sentenza tagħhom band’oħra minflok fil-Ħabs, b’dan ikun jgħodd ukoll għall-persuni miżmumin taħt arrest preventiv.

Proposta 7: Niftħu unitajiet għall-ulied u l-ġenituri, simili għall-kunċett imħaddem fir-Renju Unit u fl-Italja biex jintlaqgħu l-priġunieri ġenituri, filwaqt li tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ ulied dawn il-priġunieri barra mill-Faċilità ta’ Kordin, anke għall-ġid tal-ulied.

Proposta 8: Inwettqu riforma tas-sistema tal-parole biex aktar priġunieri jitħallew jagħżlu r-riabilitazzjoni u r-riforma.

Proposta 9: Niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanità u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji.

Dawn kienu l-ewwel sett ta’ proposti minn dan il-grupp, b’aktar proposti mistennija jitħabbr fil-ġimgħat li ġejjin frott dawn il-gruppi ta’ tfassil tal-politika.