Coronavirus Lokali Saħħa

Ikomplu jonqsu l-każi attivi – 2 każi ġodda f’24 siegħa

Ir-ristoranti u l-isnackbars jiftħu sat-tard - magħhom jiftħu l-gyms

Il-bidu tal-gimgħa fissret pass ieħor lejn in-normalità, hekk kif il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jiekol barra fir-ristoranti u fl-isnack bars mhux biss sal-ħamsa ta’ waranofsinhar… iżda issa jistgħu jagħmlu dan ankè wara l-ħin tax-xogħol. Dan hekk kif issa r-ristoranti u l-isnack bars jistgħu jibqgħu miftuħin sa nofsillejl.

Madanakollu, xorta waħda se jibqgħu fis-seħħ il-miżuri ta’ mitigazzjoni li jfisser li d-distanza soċjali se tkun qed tibqa’ attiva u mhux permess li jkun hemm aktar minn 4 persuni fuq mejda ladarba m’humiex mill-istess dar.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-barijiet u l-każini ma fetħux f’dan il-jum iżda mistennija jiftħu fis-7 ta’ Ġunju – bil-miżuri ta’ restrizzjonijiet skont l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Dan filwaqt li l-pixxini fetħu sal-ħin tat-tmienja ta’ filgħaxija – madanakollu m’humiex permissibli attivitajiet mal-pool għajr l-għawm. Tul il-jum tat-Tnejn fetħu anke l-gyms b’numri ta’ protokolli fosthom li għalissa mhux se jkunu jistgħu jiġu organizzati klassijiet ta’ eżerċizju fiziku.

Infetħu wkoll iċ-ċentri ta’ matul il-jum kif ukoll ingħata bidu għall-contact sport għal persuni minn 17-il sena u ‘l fuq.

Intant, huma tnejn il-każi ġodda ta’ Covid-19 li pajjiżna rreġistra fl-aħħar 24 siegħa. Dan ifisser li t-total ta’ każi li ġew irreġistrati fil-Gżejjer Maltin sa minn meta bdiet il-firxa tal-pandemija f’pajjiżna issa żdiedu għal 30,506….filwaqt li bejn il-Ħadd u t-Tnejn fortunatament fiequ 11-il persuna għal total ta’ 30,017.

Ghas-17-il jum konsekuttiv Malta ma rreġistrat ebda mewta kawża tal-virus – biex b’hekk filwaqt li l-vittmi għadhom qed jammontaw għal 417 – il-każi attivi naqsu għal 72.

S’issa f’pajjizna, inghataw b’kollox 180,243 tilqima sħiħa.