Mill-1 ta’ Lulju se jitneħħa l-obbligu tal-maskra fil-miftuħ għal sa massimu ta’ żewġ persuni flimkien u li jkunu mlaqqma b’mod sħiħ.
Dan tħabbar dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn sar magħruf ukoll li sa llejla se jkun intlaħaq il-herd immunity f’pajjiżna. Dan ifisser li sa 70% tal-adulti f’pajjiżna se jkunu ħadu mqar l-ewwel doża tal-vaċċin f’Malta.
Sa issa ftit aktar minn 50% taż-żgħażagħ bejn is-16 u 30 sena irreġstraw għat-tilqima.
Mhux magħruf kemm tlaqqmu fil-faxxa ta’ bejn it-30 u l-40 sena.
Intant ġie kkonfermat li fil-ġimgħat li ġejjin, se jkunu qed jinħarġu l-Vaccine Certificates – ċertifikati li jikkonfermaw li persuna hija mlaqqma b’mod sħiħ. Dan se jkun disponibbli b’mod diġitali kif ukoll b’mod fiżiku.
Tul l-istess konferenza id-Deputat Prim Ministru deher jiftaħ tieqa żgħira fuq il-possibiltà ta’ festi u attivitajiet tal-massa iżda atkar ‘il quddiem mistoqsi dwar dan, hu qal li ma nbidel xejn f’dan ir-rigward.
Ftit tal-jiem ilu, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci kienet ċara ferm li f’pandmeija mhemmx lok għal festi u attivtaijiet tal-massa.
Madankollu llum stess, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li għaddejjin diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-Knisja u stakeholders fil-qasam tad-divertiment dwar rilass ta’ mizuri anke jekk fl-istess waqt qal li mhemmx rilass ġdid ta’ regoli marbuta maż-żewġ oqsma.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet il-Ministru tas-Saħħa ġie mistqosi wkoll dwar l-anzjani u meta se jkun hemm rilass ta’ miżuri fil-konfront ta’ dawk fir-residenzi li sa issa jistgħu joħorġu biss f’attivitajiet organizzati mill-homes rispettivi u ma jistgħux joħorġu mqar għal passiġġata fil-viċin.
Iżda Chris Fearne ma tax tweġiba dwar dan u tkellem biss dwar ħruġ fi gruppi.
Kelliema f’dan il-qasam qalulna li l-fatt li l-anzjani għadhom ma jistgħux joħorġu waħedhom wara aktar minn 14-il xahar maqfulin ġewwa qed iħalli mpatt negattiv ferm fuq is-saħħa mentali tagħhom fejn qed jikbru l-problemi. Huma qalulna li l-anzjani qed jispiċċaw jintesew mill-awtoritajiet.
Faxxa oħra tas-soċjetà li baqgħet ma ratx rilass fil-miżuri huma ż-żgħażagħ li jattendu istituzzjonijiet post-sekondarji jew l-Università, li se jtemmu anke l-aħħar xahar tas-sena skolastika b’mod virtwali.
//= $special ?>