Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika fil-konfront ta’ ommu u n-nanniet

Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Isla ġie mixli ta fastidju lil ommu u n-nanniet tiegħu meta kien ta’ spiss jitlobhom il-flus għad-droga. Gilmour Flask ġie mixli wkoll li kkaġuna biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ ommu u n-nanniet tiegħu b’mod li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.

Flask ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li uża mobajl b’mod malinn u dan peress li b’dan l-apparat huwa hedded lit-tliet persuni. Huwa ġie mixli wkoll li sar reċediv. L-Ispettur Eman Hayman li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li kellu żewġ rapporti li kienu jitrattaw il-fatt li l-imputat kien qed jitlob il-flus b’mod esiġenti.

L-investigazzjoni baqgħu għaddejjin, u rriżulta li minkejja li l-indirizz ta’ fejn joqgħod kien fuq isem ommu, huwa kien qed jgħix man-nanniet. Kien l-omm li qalet lill-Pulizija dwar il-vizzju tad-droga li għandu binha, u li ta’ spiss kien qed isegwiha. Fil-fatt għal dabra darbtejn kellha tbiddle ir-rutina hi tal-ħajja tagħha għax baqa’ jsegwiha kontiwament.

L-Avukat Noel Bartolo li deher għall-akkużat f’dan l-istadju qal li ma kienx qed jitlob għal libertà proviżorja. Sadanittant il-Qorti laqgħet talba tal-prosekuzzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni tal-allegati vittmi u wissiet lill-akkużat biex meta jingħata l-libertà proviżorja ma jikkommunika bl-ebda mod magħhom.

Dan għaliex dan ukoll huwa reat punibbli bil-liġi li jista’ jfisser multa ta’ 7,000 ewro.  Il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex Flask jingħata l-għajuna kollha possibbli minħabba l-problema tad-droga. L-Avukat Veronika Spiteri deheret għan-nom tal-vittmi.