Lokali

Sewwieq ta’ mutur bi ġrieħi gravi wara ħabta

Sewwieq ta’ mutur ta’ 29 sena kellu jiġi rikoverat l-isptar Mater Dei aktar kmieni llum wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.

Jidher li l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.00am meta kien qed isuq fil-bypass tal-Imrieħel f’Ħal Qormi.

Il-mutur tat-tip Yamaha Sigma misjuq mir-raġel minn B’Kara kellu impatt ma’ karozza tat-tip Volvo XC70 misjuqa minn mara ta’ 57 sena residenti Tas-Sliema.

Minbarra l-Pulizija, fil-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’dan il-każ għadhom għaddejjin.