Lokali

Skomdi jwieġbu jekk hux komdi b’Carmelo Abela

Il-Membri Parlamentari Laburisti jinsabu skomdi għall-aħħar biex iwieġbu dwar il-fatt li l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela jinsab taħt investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ allegazzjonijiet li qed jorbtu lill-Ministru Laburista b’kompliċità fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri tal-Bank HSBC lura fl-2010.

S’issa – u wara diversi jiem li sar magħruf li l-Ministru Abela jinsab taħt investigazzjoni – il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ħa l-ebda pass fil-konfront tiegħu. Dan juri li ma’ Carmelo Abela, qed jimxi b’riga differenti minn kif mexa ma’ Membri Parlamentari oħrajn – bħal fost oħrajn l-Rosianne Cutajar. Madanakollu, mistoqsi minn NET News, Carmelo Abela sostna li dan mhux minnu għax il-każ tiegħu hu differenti.

U mistoqsi jekk issa jiftakarx li ġie msejjaħ biex jixhed dwar l-attentat ta’ hold-up, Carmelo Abela spjega li ma kienx ġie msejjaħ bħala Carmelo Abela nnifsu, iżda bħala ħaddiem tal-istess Bank.

Sadanittant, NET News staqsa lil diversi Membri Parlamentari Laburisti jekk jinsabux komdi li fil-Kabinett ta’ Robert Abela hemm Ministru li qed jiġi investigat mill-Pulizija … b’uħud jippreferu li ma jikkumentawx jew jevitaw is-suġġett, filwaqt li oħrajn bħal donnhom l-iżjed biċċa xogħol normali.