Lokali

Tajjeb li lħaqna l-herd immunity imma għadna ‘l bogħod minn business as usual – MCC

"It-test vera se jasal ftit tal-ġimgħat oħra"

Huwa tajjeb li lħaqna l-herd immunity, imma l-pandemija għadha magħna u għadna ‘l bogħod ħafna mill-business as usual. Ħafna negozji li kienu strumentali biex inkisbet il-herd immunity għadhom bil-ħniena qed iżommu rashom ‘il fuq mill-ilma u jistgħu biss jibqgħu għaddejjin jekk ikun hawn aktar ċertezza, viżibiltà u serħan il-moħħ fil-konsum.

Hekk qalet il-Kamra tal-Kummerċ ta’ pajjiżna li fi stqarrija kkonfermat li l-Gvern Malti għadu ma ppreżentax il-pjan rkupru tiegħu lill-Unjoni Ewropea. Dan minkejja li 23 stat membru lestew u ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-approvazzjoni tal-UE.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet ukoll li temmen li n-negozji jeħtieġu li jkunu f’pożizzjoni li jibdew jippjanaw kif se jirnexxu mhux biss kif se jissoppravvivu. L-ebda qasam m’għandu jitħalla barra jew jintesa. Kull post tax-xogħol u kull settur huwa importanti.

Filwaqt li wieħed jispera li l-herd immunituy iwassal biex eventwalment l-infezzjonijeit jispiċċaw, it-test vera x’aktarx jasal fi ftit tal-ġimgħat oħra meta jonqsu r-restrizzjonijiet u jinfetħu l-fruntieri kollha.

F’dal kuntest, il-Kamra tal-Kummerċ tappella għal ottimiżmu kawt u sabiex nibqgħu viġilanti. Waqt li Malta terġa tiftaħ, l-awtoritajiet iridu jsaħħu l-infurzar u jridu jiġu implimentati kontrolli stretti fil-fruntieri. Jekk le, l-isforzi ta’ kulħadd inkluż tan-negozji li ssagrifikaw ħafna u li lagħbu parti kruċjali bl-inkuraġġiment u s-sostenn li taw lill-impjegati tagħhom sabiex jitlaqqmu, se jkunu sforzi fix-xejn.