Lokali Sport Sport Ieħor

Telqa u żdingar fi proġett li sewa €14,000,000

L-isportivi u d-dilettanti jibqgħu b'xejn

Tliet snin wara li l-Gvern nefaq aktar minn €14,000,000 fuq shooting range li kellu mhux biss jipprovdi post state of the art għal taħriġ għall-isportivi Maltin, iżda kellu wkoll jiġbed lejn pajjiżna turiżmu sportiv, dan ir-range jibqa’ magħluq.

Wara li inqas minn disa’ xhur mill-ftuħ uffiċjali tiegħu li sar b’tant pompa, dan ir-range kellu jingħalaq, l-isportivi u d-dilettanti jibqgħu mingħajr post fejn jipprattikaw l-isport tagħhom.

Minbarra l-isportivi, anke l-kaċċaturi li kienu mwegħda li se jkunu jistgħu jipprattikaw l-isparar esprimew diżappunt għall-fatt li dan ir-range tħalla fi stat ta’ telqa u żdingar. Dan minbarra li t-turiżmu sportiv imwiegħed baqa’ ma mmaterjalizza ruħu qatt.

Dwar dan, tkellmu l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Isport u dwar id-Delizzji Nazzjonali rispettivament, Clyde Puli u Edwin Vassallo li ftit tal-jiem ilu għamlu wkoll Vlog minn quddiem dan ir-range.

Intant, dan il-fatt ġibed ukoll kritika qawwija mill-eks President tal-Federazzjoni Maltija tal-isparar Saviour Portelli li qal li minħabba traskuraġni, mmaniġġjar ħażin u nuqqas ta’ manutenzjoni, ir-range ma laħaqx l-għan prinċipali li għalih ġie pproġettat. Portelli qal li dan kollu seħħ b’detriment tal-isportivi u d-dilettanti.

Bosta kienu dawk li kkummentaw ukoll fuq il-post ta’ Portelli.

Jidher li wara li tkellmu d-Deputati Nazzjonalisti, kif ukoll l-isportivi u d-dilettanti, illum marru xi ħaddiema biex jippruvaw jagħmlu xi xogħolijiet fuq dan is-sit.