Lokali

Tħassib u kundanna mill-PN għall-attakk fuq il-libertà tal-espressjoni fil-Belarus

Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib u l-kundanna tiegħu għall-aħħar att gravi li seħħ fil-konfront tal-ġurnalist Roman Protasevich.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, il-Partit Nazzjonalista qal li m’għandu jkun aċċettabbbli qatt li pajjiż jibgħat ajruplan militari biex jordna li titjira ċivili ta’ kumpanija kummerċjali jitniżżel biex jiġi arrestat persuna prominenti fil-ġlieda li l-Oppożizzjoni qed twettaq kontra r-reġim dittatorjali ta’ Alexander Lukashenko.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu preċedent ikrah u li jekk ma jiġix kuntrastat b’miżuri mid-dinja demokratika, jhedded direttament lill-industrija tal-ajru. Qal li dan l-abbuż mill-aktar flagranti, għax jattakka l-libertà tal-espressjoni u tal-eżercizzju tal-professjoni tal-ġurnaliżmu, irid jiġi kkundannat iżda wkoll segwit b’miżuri adegwati u xierqa ħalli ma jirrepetix ruħu.

Għaldaqstant, filwaqt li tenna l-kundanna tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li jittama li l-passi li d-dinja ċċivilizzata tieħu jwasslu biex fil-Belarus tirrenja lura d-demokrazzija u ġġib magħha t-tmiem tad-dittatura preżenti.