Adrian Agius, wieħed mill-erbgħa rġiel akkużati bil-kompliċità fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop għamel talba għal liberta proviżorja li mistennija tiġi deċiża fil-jiem li ġejjin. Id-difiża oġġezzjonat bil-qawwa kollha biex Agius jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi fatturi, fosthom li għandu rabtiet barra minn Malta fid-dawl tal-fatt li huwa negozjant u s-severità tal-każ.
Id-difiża minn naħa tagħha argumentat li d-dritt tal-libertà hija sagrosanta, li Agius għadu preżunt innoċenti u l-fatt li hemm persuni oħra akkużati bi qtil li ngħataw il-libertà proviżorja, u anke l-fatt waħdu li huwa negozjant u li jista’ jaħrab minn Malta, mhux każ b’saħħtu għad dan jrid jiġi ppruvat.
L-argumenti saru lejn l-aħħar tal-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fil-konfront ta’ Adrian Agius u tliet iġiel oħra li jinsabu mixlija b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015 u tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017.
L-akkużati huma l-aħwa Adrian Agius ta’ 42 sena, ħuh Robert Agius ta’ 37 sena, magħrufin bħala Ta’ Maksar, seħibhom Jamie Vella ta’ 37 sena, kif ukoll George Degiorgio ta’ 58 sena, magħruf bħala ċ-Ċiniż. Degiorgio qed jaffaċċja proċeduri separati fuq il-qtil tal-ġurnalista, flimkien ma’ ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu.
Dwar il-libertà proviżorja ta’ Adrian Agius, il-Prosekutur George Camilleri qal li jaqbel mal-preżunzjoni tal-innoċenza, imma din hija biss preżunzjoni, huwa qal. Huwa tenna li s-suspett fuq l-akkużat huwa wieħed raġonevoli u saħaq li s-serjetà tal-każijiet hija enormi. L-interess pubbliku hu fattur importanti rigward id-detenzjoni tal-akkużati u n-nuqqas ta’ libertà proviżorja, kompla jgħid l-Avukat Camilleri.
Punt ieħor li saħaq dwaru l-prosekutur huwa l-fatt li l-akkużat huwa negozjant u hu għandu ħafna kuntatti ma’ barra minn Malta. Tenna li dan kollu joħroġ mix-xhieda. Mhemmx dubju li Agius kien isiefer b’mod regolari bħala parti minn xogħlu. Tenna li verament li huwa għandu rabtiet ma’ Malta, għandu familja, imma hemm ukoll wkoll il-biża’ reali li jaħrab.
L-Avukat Alfred Abela f’isem Adrian Agius ma qabilx ma dawn ir-referenzi u qal li hemm diversi persuni oħra akkużati b’każijiet simili fosthom il-każ ta’ Lorin Scicluna, mixli bil-qtil ta’ Lassana Cisse li ngħata l-pleġġ mill-Imħallef Edwina Grima. Kompla li l-biża’ b’xi mod trid tkun ippruvata u waħda reali.
“Mhux biżżejjed li l-Avukat Camilleri jgħid li l-akkużat , għandu rabtiet ma’ barra u jista’ jaħrab, irid ikollu l-provi fuq dan. Il-prosekuzzjoni trid iġġib ġustifikazzjoni għaliex “għandna mmorru lil hinn minn regola għax il-ħelsien mill-arrest li dejjem huwa regola, qal l-Avukat Abela.
Abela kompla jgħid li Adrian Agius, meta waqqfuh il-pulizija u ġie arrestat, baqa’ kalm u obda, mingħajr ġlied, u żamm l-ordni. Kompla li dan huwa każ tal-2015 u li kieku ried jaħrab, Agius kellu ż-żmien kollu biex jaħrab. L-Avukat qal li issa l-każ m’għadux fi stadju bikri peress li ttellgħu nimru konsiderevoli ta’ xhieda.
L-Avukat Alfred Abela staqsa, min huwa akkużat b’omiċidju ma jingħatax ħelsien mill-arrest?! Barra il-każ ta’ Lorin Scicluna, semma wkoll il-każijiet ta’Justin Borg u Owen Schembri. Huwa kkowota wkoll deċiżjonijiet mill-Qorti ta’ Stasburgu, u xi tgħid fuq l-interess pubbliku, li tgħid ċar u toqgħod li din m’għandhiex x’taqsam. Tenna li din lanqas biss toħroġ mill-Kodiċi Kriminali.
L-Avukat William Cuschieri qed jidher għal Degiorgio, filwaqt li l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qed jidhru għall-aħwa Agius u għal Vella. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia u l-Avukat Vince Galea qed jidher għall-familja tal-Avukat Chircop. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Wayne Camilleri u Shawn Pawney flimkien mal-Avukat George Camilleri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-ewwel xhud kienet Miriam Buhagiar li taħdem fit-Taqsima tal-Emerġenza f’Mater Dei. Qalet li f’Ottubru tal-2015, kienu qed jibdlu x-xifts u daħlitilhom telefonata li kien hemm sparatura f’Birkirkara. Hija marret fuq il-post f’ Birkirkara fejn diġà kien hemm il-pulizija.
Qalet li kienu raw lill-pazjent mal-art, mixħut fuq dahru, wiċċu ‘l fuq li fuqu ma kienx hemm sinjali ta’ ħajja. Raw jekk kien qed jieħu nifs, iżda rriżulta fin-negatib u fil-fatt lanqas polz ma kellu. Minnufih bagħtu għall-ambulanziaa u neħħewlu l-flokk u vverfikaw kemm kienet ilha li waqqfet iċ-ċirkulazzjoni. Iċċekkjawlu wkoll il-ħabbiet t’għajnejh għax minn hemm jindunaw ikunx hemm sinjali ta’ ħajja.
Ix-xhud kompliet tgħid li l-vittma kellu barxa f’suba’ minnhom, u żewġ feriti minn sparaturi. Sostniet li l-ġisem tar-raġel kien kiesaħ, u bejn wieħed u ieħorkien ilu aktar minn 10 minuti li miet. Peress li kien mixħut mal-art il-pressjoni taċ-ċirkulazzjoni niżlet ‘l isfel. Wara wasal tabib li wettaq proċedura simili għal dik li wettqu huma. Xi ħadd kien lissen il-kliem li l-mejjet kien avukat, imma għall-paramdeċi dan mhux dettal li huma jidħlu fih.
Charlene Grech, li taħdem ukoll fl-Emerġenza u spjegat li fit-8 t’Ottubru tal-2015, irċeviet telefonata u qalulha li hemm bżonn l-għajnuna għal raġel li x’aktarx kien sofri minn xi tiri. Qalet li hi mill-ewwel infurmat lit-tabib, infermiera u lill-pulizija. Qalet li ma kinitx marret fuq il-post.
Gail Caruana,eks impjegata tl-isptar fejn fl-2015 kienet infermiera l-Emerġenza u kellha l-kariga ta’ senior staff nurse. Qalet li dak inhar tal-inċident kienet ġiet mitluba tmur Birkirkara maġenb skola, f’kumpless tal-garaxxijiet, biex jassistu għax kien hemm sparatura.
Qalet li kien hemm diversi pulizija, u triq magħluqa, u kien hemm ħafna garaxxijiet u f’garaxx minnhom sabu, l-Avukat Carmel Chircop, għax kienu qalulhom min kien. Kien fil-garaxx, kien hemm karozza quddiemu eżatt. Kien jinsab f’għadira demm. Kif ħareġ mix-xhieda preċedenti qalet li meta ċċekkjawlu l-polz raw li ma kienx hemm sinjali ta’ ħajja. Iċċekkjaw idu u għonqu. Il-kulur tal-vittma kien abjad.
Kompliet tgħid li bħala feriti, kellu żewġ dawriet li jindikaw li qala’ żewġ tiri f’żaqqu u saħqet li l-Avukat kien mejjet, u meta wasal it-Tabib Cherubino kkonferma dan il-fatt. Hija qalet li kienet rat lil sieq ir-raġel kienet lejn il-bieb tal-garaxx u rasu lejn il-karozza.
Wara xehdet is-Surġent tal-Pulizija, Alana Caruana fejn qalet li l-4 ta’ Diċembru tal-2017 kellhom jesegwixxu mandat t’arrest fil-konfront ta’ Jamie Vella. Kienu marru f’razzett il-Mosta. F’xi ħin mar jibdilha l-pulizija ieħor fiż-żona tal-Għarusa tal-Mosta.
Qalet li kienu marru kmieni filgħodu u fuq il-post kien hemm missier Jamie Vella u wara waslu Robert Agius u Jamie Vella li mill-ewwel saret tfittxija fuqhom. Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li daqshekk xhieda għal din is-seduta, bil-Maġistrat Farrugia Frendo tgħid li hemm rikors preżentat minn Adrian Agius. Hawn il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li loġistikament kienet impossibbli li jlaqqgħu x-xhieda.
Kompla li li il-każ ta’ Adrian Agius, m’hemmx biża’ reali ta’ kontaminizzjoni tal-provi jew ta’ reati oħra. Tenna li jekk verament f’dal-pajjiż il-ġustizzja ma tħares lejn wiċċ ħadd, Agius għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Camilleri kompla jopponi u kkwota minn deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tgħid li fejn hemm biża’ li l-akkużat jaf jinfluwenza lil xi xhieda, dan għandu jinżamm arrestat. Il-Qorti qalet li d-deċiżjoni għall-pleġġ se tingħata ‘in camera’. Il-kumpilazzjoni se tkompli fis-6 ta’ Lulju fid-9.00am.