Il-Knisja f’Malta ppubblikat id-direttivi rigward iċ-ċelebrazzjoni tal-festi għal din is-sena, skont l-istqarrija maħruġa fl-14 ta’ Mejju 2021 fejn intqal li l‑festi parrokkjali u festi oħra reliġjużi li jsiru ġewwa l‑bini tal‑Knisja jsiru fil‑ġranet li ssoltu jiġu ċċelebrati, b’rispett sħiħ lejn il‑miżuri għall‑ħarsien tas‑saħħa indikati mill‑awtoritajiet tas‑saħħa.
Iċ‑ċelebrazzjonijiet ta’ barra l‑bini tal‑knisja li normalment jiġu organizzati mill‑Knisja, kif diġà ntqal fl-istqarrija tal-14 ta’ Mejju, dawn isiru biss jekk, fejn u meta l‑awtoritajiet tas‑saħħa jawtorizzawhom bħala attivitajiet permessi.
Dawn id-direttivi jistipulaw li l-quddies u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra relatati mal-festa jkunu konformi mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u/jew ċiviċi li jkunu fis-seħħ f’dak iż-żmien, li l-istatwa għandha tinħareġ u tiddaħħal lura fin-niċċa b’mod privat, u li l-armar jista’ jsir bħalma ssoltu jsir.
Fl-istqarrija ntqal li d-direttivi li jidħlu fis-seħħ illum huma msejsa fuq żewġ principji: dik li l-festa hija okkażjoni li tfakkar u ssejjaħ lill-Insara jimxu fuq l-eżempju tal-qaddisin, u li hija okkażjoni fejn tintwera solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn fil-komunità parrokkjali, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet li fihom il-familji għaddejjin minn diversi sfidi.
//= $special ?>