Kultura Lokali

“Il-ftuħ mill-ġdid ifisser aktar tixrid tal-COVID” – Il-Ministru Herrera

Jekk int artist jew artista li taqla’ l-għejxien tiegħek mis-settur tal-arti, il-kultura, il-mużika u l-kreattività… għalissa m’hemm ebda data dwar meta se jerġgħu jibdew dawn it-tip ta’ attivitajiet b’mod ristrett.

U skont il-Ministru Jose Herrera, li hu responsabbli minn dan is-settur, huwa għaqli li għalissa nistennew.

Dan għaliex hu jħoss li m’hemm post għall-ebda tip ta’ kompromess, għaliex il-ftuħ tal-ekonomija jfisser “tixrid tal-COVID”.

“Iktar ma tiftaħ affarijiet, iktar ma tiftaħ stabbilimenti, iktar qed iżżid il-periklu tat-tixrid tal-COVID,” qal il-Ministru Herrera.

Herrera qal dan wara li fl-aħħar jiem ġie mħabbar li l-programm annwali ta’ attivitajiet kulturali li kien ippjanat li jsir fil-Belt Valletta kellu jitħassar, minkejja li kienu se jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fid-dawl tal-pandemija. U b’hekk il-Gvern ta l-ġenb lil madwar 13-il elf ruħ.

Meta l-Ministru ġie mistoqsi jekk hemmx pjan ta’ meta dan is-settur jista’ jiftaħ, hu ma ta l-ebda data meta se jsir dan.

“Saru diskussjonijiet interni iżda għad m’hemmx dati fissi,” qal Herrera. “Wieħed ma jistax joħroġ bi skeda ta’ xahar ieħor se nagħmlu xi ħaġa jew oħra. Is-settur kreattiv, minn natura tiegħu jiffrojixxi meta jkollu interazzjoni man-nies. Meta int tillimeta l-interazzjoni man-nies, l-artisti jbatu r-riperkussjonijiet.”

Kien hawnhekk fejn Herrera ħass li għandu jfarfar fuq il-Ministeru tas-Saħħa għall-fatt li l-avvenimenti kulturali kollha mhux se jingħataw l-opportunità li jiftħu matul dan is-sajf.

“L-aħħar deċiżjonijiet bħal dawn iridu jittieħdu mill-Ministeru tas-Saħħa,” spiċċa jgħid Herrera.

Il-mossa tal-Gvern li ma jibdiex pjan gradwali għas-settur tal-arti u l-kultura ġabet magħha rabja kbira mill-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan il-qasam.

Ikkummenta