“Irridu naraw li mhux biss ikun hemm proċess legali ġust u mhux imtawwal, imma rridu naraw li dak il-bniedem li jintbagħat il-ħabs jiġi riformat biex meta joħroġ mill-faċilitá, is-soċjetá tilqgħu mingħajr stigma u jkun jista’ jerġa’ jintegra fis-soċjetá mill-aktar fis.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel lill-fondazzjoni RISE. Mal-wasla tiegġu huwa ntlaqa’ mill-fundaturi ta’ din il-fondazzjoni Fr Franco Fenech u Charles Mifsud. Matul iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunitá jiltaqa’ mal-persuni li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ din il-fondazzjoni.
Bernard Grech saħaq li permezz tal-clusters tiegħu l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex joħloq politika li tgħin sabiex il-faċilitá korrettiva ta’ Kordin tkun verament faċilitá riformattiva. Huwa saħaq li l-persuna li żbaljat għandu wkoll ikun trattat b’dinjitá.
Matul din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista nieda disa’ proposti biex f’pajjiżna jkollna detenzjoni b’dixxiplina imma wkoll dinjitá. Il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qed tqarreb il-faċilità lejn kollass.
Il-cluster għas-sigurtà nieda disa’ inizjattivi biex tissokta d-diskussjoni li, jekk jiġu adottati, iwasslu għal tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ħabs f’Malta u għaldaqstant jinkisbu kundizzjonijiet aktar umani għall-priġunieri, ambjent tax-xogħol aħjar għall-gwardjani u s-serħan il-moħħ li s-sitwazzjoni hi kkontrollata.
Matul din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali u membri fil-cluster tas-sigurtá Graziella Galea u Darren Carabott.