Internazzjonali

It-traġedja ta’ Stresa deskritta bħala ‘xena ta’ gwerra’

Traġedja li xxukkjat nazzjon sħiħ – dizgrazzja li ħasdet ħames familji, u li bhalissa għaddejja inkjesta dwarha. Bil-politiċi jkunu akkużati li naqsu mir-responsabbiltà tagħhom.

14 huma l-vittmi, bl-unika persuna li ssalva jkun tifel ta’ ħames snin li jinsab f’qagħda kritika, imma stabbli.

Dik li kellha tkun ġurnata ta’ mistrieħ għal dawn il-ħames familji…. spiċċat fl-agħar ġurnata ta’ ħajjithom. Il-cable-car li kienet qed twassalhom lejn il-quccata tal-muntanja Mottarone qrib il-Lago Maggiore, spiċċat ċediet bihom u waqgħet fil-foresta.

Il-bieb tal-istazzjon ta’ Funivia

Net News tkellem mal-ġurnalista Taljana Maria Elisa Gualandris, li twieldet u għexet it-tfulija tagħha fi Stresa. Hi rrakkuntat magħna x-xena li sabu quddiem wiċċhom l-ewwel persuni li waslu fil-post tal-inċident… xena deskritta bħala waħda ta’ gwerra.

Eitan, it-tifel li għadu ħaj, jinsab rikoverat fi sptar tat-tfal f’Turin fejn it-tobba jidhru ottimisti li jista’ jaqleb għall-ahjar. F’din it-traġedja Eitan tilef lill-ġenituri, lill-ħuh u anke lin-nanniet…illi ġew minn Israel sabiex jiltaqgħu mal-familja tagħhom wara xhur maqtugħin minħabba l-pandemija.

Il-gurnalista Taljana tirrakkontalna kif il-komunita kollha ta’ Stresa tinsab ixxukjata b’din it-traġedja fejn kulħadd b’xi mod jew ieħor wera solidarjetà mal-qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom.

Din il-cable car hija attrazzjoni għal diversi turisti… meqjusa bħala waħda sigura sabiex jivvjaġġaw minn post għall-ieħor. Hija tispjega kif kemm il-darba rikbet din il-cable car.

Maria Elisa Gualandris tispjegalna kif bħalissa għaddejja investigazzjoni dwar dan l-inċident hekk kif qed iqumu diversi mistoqsijiet dwar x’wassal għal din it-traġedja. Ilbieraħ kien dikjarat jum ta’ luttu sabiexx jitfakkru dawn il-vittmi.

Intant il-Papa Franġisku wera sogħba kbira għal dak li ġara f’dan ir-ragjun. Huwa sellem il-memorja tal-vittmi filwaqt li qal li huwa ta’ dispjaċir kbir li jintilfu l-ħajjiet b’dan il-mod.