Lokali Parlament

Jeħtieġ inizjattivi biex iktar persuni b’diżabbiltà jintegraw fix-xogħol

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius appella biex ikunu introdotti inizjattivi biex iktar persuni b’diżabbiltà jintegraw fix-xogħol.

Fil-parlament David Agius tkellem fuq l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà fil-parlament u qal li hu importanti li l-postijiet tax-xogħol ikunu aċċessibbli biex b’hekk iktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan biex il-ħajja tagħhom tkun eħfef u iktar normali.

Il-Viċi-Kap tal-PN qal li l-PN hu favur l-att li qed iressaq il-gvern iżda għandha proposti għal titjib. Il-PN jemmen f’mudell soċjali li jaħdem għaliex il-persuni b’diżabbiltà għandhom l-abbiltajiet differenti minn xulxin.

L-ewwel prijorità għandha tkun id-dinjità biex il-problemi kollha jitwaqqgħu. Jeħtieġ tiżdied l-edukazzjoni dwar d-drittijiet tal-perusni b’diżabbiltà u dwar il-potenzjal tagħhom.

Hu qal li l-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan ddikjarat li hawn wisq persuni b’diżabbiltà li huma bla xogħol. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-flus li se jinġabru mill-miżuri marbuta ma dan l-abbozz għandhom ikunu investiti fl-edukazzjoni, f’kampanja ta’ edukazzjoni, traspor għall-persuni b’diżabbiltà biex jaslu fuq ix-xogħol u taħriġ fuq il-postijiet tax-xogħol.

Jeħtieġ ukoll li ma jkunx hemm dffernzi fil-pagi bejn ħaddiema u ħaddiema b’diżabbiltà; jirriżulta li l-persuni b’diżabbiltà qed jitħallsu madwar 10% inqas. Din hi diskriminazzjoni li trid tieqaf, sostna David Agius.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-persuni b’diżabbiltà qed jinqasmu fi tliet listi; il-lista tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà, lista differenti għand Jobs Plus u lista oħra għand is-Sigurtà Soċjali. Hu appella biex il-Kummissjoni Persuni b’Diżabbiltà tkun tirrispondi lejn il-parlament u mhux lejn il-ministru.

Hu qal li l-gvern ma jistax jaħdem waħdu f’dan is-settur u għandu jinvolvi l-entitajiet kollha li jistgħu jagħtu kontribut biex l-infrastruttura tal-pajjiż tkun aċċessibbli.

Gvern Nazzjonalista jipprovdi taasport għall-persuni b’diżabbiltà lejn u mill-postijiet tax-xogħol. Jeħtieġ li fl-Aġenzija Sapport ikun hemm taqsima ta’ appoġġ għall-persuni b’diżabbiltà.

Hu staqsa x’sar minnu l-Malta Focal Point for the Rights of Persons with Disability u appella biex il-ġenituri tal-pesuni b’diżabbiltà jkollhom ukoll postijiet fejn jistgħu jistrieħu. Hu sellem lill-Fondazzjoni Lino Spiteri u qal li din għandha rwol importanti ħafna; l-istituzzjonijiet m’għandhomx ikunu tallaba għaliex il-pajjiż jiġbor biżżejjed taxxi.