L-Istati Uniti qed iwissi kontra vjaġġar lejn il-Ġappun ftit ġimgħat bogħod mill-Olimpjadi ta’ Tokjo, bil-Kumitat Olimpiku tal-Istati Uniti jgħid li l-atleti se jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sigur fl-Olimpjadi.
Il-Ġappun diġa qed iwaqqaf lit-turisti milli jidħlu fil-pajjiż wara żieda qawwija fir-rata ta’ każijiet ġodda ta’ Covid-19 b’konsegwenza li qed tiżdied pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa tal-pajjiż.
Is-CDC fi stqarrija qal li n-nies mill-Istati Uniti għandhom jevitaw li jsiefru lejn il-Ġappun hekk kif hemm riskju li jieħdu l-virus. L-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo qed jittamaw li din it-twissija mis-CDC ma tibqax fis-seħħ sal-Olimpjadi hekk kif jekk it-tim tal-Istati Uniti ma jitħalliex jivvjaġa lejn il-Ġappun ipoġġi f’riskju l-Olimpjadi. Fl-aħħar ġimgħat numru ta’ persuni u anke ċittadini Ġappuniżi appellaw lill-organizzaturi tal-Olimpjadi biex jipposponu jew iħassru l-Olimpjadi.
Intant meta għad fadal anqas minn 60 jum għall-bidu tal-Olimpjadi f’Tokjo infetaħ ċentru ta’ vaċċinazzjoni bl-għand li sal-aħħar ta’ Lulju jkunu tlaqqmu 36 miljun persuna.
//= $special ?>