L-Istati Uniti għandha tgħin għall-bini mill-ġdid tal-Medda ta’ Gaza bħala parti mill-impenji lejn il-konsolidazzjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn il-militanti tal-Hamas u Iżrael, u wara jiem konsekuttivi ta’ gwerra fir-reġjun.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antoni Blinken, iltaqa’ mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu u qal li r-rikostruzzjoni ta’ Gaza hi neċessarja biex il-pajjiżi jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja gravi f’dik iz-zona ‘filwaqt li jevitaw ritorn għaċ-ċiklu ta’ vjolenza’.
Madankollu, Blinken għamilha ċara li l-Istati Uniti se taċċerta li l-militanti Palestinjani tal-Hamas – meqjusa bħala grupp terroristiku – li jikkontrollaw Gaza ma jibbenefikawx mir-rikostruzzjoni. Sadanittant, Blinken irrepeta l-appoġġ tal-Istati Uniti għad-dritt ta’ Iżrael biex jiddefendi lilu nnifsu kontra l-bumbardamenti tal-Hamas min-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Mietu ‘il fuq minn 250 persuna – fil-maġġoranza kbira f’Gaza – fi ħdax il-jum ta’ ġlied qalil bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u l-militanti Palestinjani u sakemm il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied (sponsorjat mill-Eġittu) daħal fis-seħħ fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra.
Il-vjolenza bdiet wara ġimgħat ta’ tensjoni bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fl-inħawi ta’ Ġerusalemm tal-Lvant ( fix-Xatt tal-Punent) u b’tal-Hamas, imbagħad, jibdew jisparaw il-missili lejn Iżrael u bl-Iżraeljani jirritaljaw bl-attakki mill-ajru.
Intant, Antony Blinken beda żjara ta’ tlett ijiem fil-Lvant Nofsani bil-laqgħa ma’ Netanyahu – u fejn il-Prim Ministru Iżraeljan ukoll ‘ikkommetta lil pajjiżu’ għar-responsabbiltà biex tinżamm il-paċi. Iżda Netanyahu għamilha ċara li l-Iżraeljani ‘mhumiex se jaħsbuha darbtejn biex iwieġbu għall-vjolenza tal-militanti.’
Benjamin Netanyaju spjega li f’każ li tal-Hamas jirrikorru mill-ġdid għall-attakki, huma mgħandhom qatt jaħsbu li r-reazzjoni ta’ Iżrael mhix se terġa’ tkun ‘waħda qawwija u terribbli’.
Il-Prim Ministru Iżraeljan u l-kapijiet militari ta’ Iżrael, sadanittant, iddiskutew it-tisħiħ tas-sistema Iron Dome li tipproteġi lill-poplu mill-bumbardamenti tal-missili min-naħa tal-militanti. Dan meta t-Tmexxija ta’ Iżrael beħsiebha anki ssib il-mezzi aktar effettivi biex iżżomm lil tal-Hamas milli jarmaw ruħhom mill-ġdid.
//= $special ?>