Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar sanzjonijiet kontra l-Belarus wara l-arrest ta’ ġurnalista dissidenti

L-Unjoni Ewropea deċidiet biex tipprojbixxi l-linji tal-ajru tal-Belarus milli joperaw fuq ir-rotot tal-Ewropa – bid-deċiżjoni tittieħed wara li ajruplan kien sfurzat jibdel id-direzzjoni u jinżel f’Minsk biex l-awtoritajiet tal-Belarus ikunu jistgħu jarrestaw ġurnalista dissidenti li kien abbord.

Wara laqgħa fi Brussell, is-27 mexxejja tal-Istati membri tal-Unjoni qalu wkoll lil-linji tal-ajru tal-pajjiżi inkwistjoni biex l-ajruplani tagħhom ma jtirux minn fuq il-Belarus – u meta issa hemm stennija għal sensiela ta’ sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Gvern tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.

Il-ġurnalista Roman Protasevich, ta’ 26 sena, kien qed jivvjaġġa mill-Greċja lejn il-Litwanja meta l-ajruplan tiegħu, nhar il-Ħadd, kien ordnat biex jinżel fil-Belarus fost suġġerimenti li kien hemm ‘bomba abbord’.

Intant, il-pajjiżi tal-Punent issa qed jakkużaw lill-awtoritajiet tal-Belarus dwar pjan maħsub biex jaħtfu l-ajruplan inkwistjoni.

Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet fil-Belarus, fil-bidu tal-ġimgħa, ħarġu filmat ta’ Protasevich fejn jidher li l-ġurnalista kien qed jitkellem ‘taħt forma ta’ pressjoni jew tortura’ wara l-arrest tiegħu fl-ajruport ta’ Minsk.

Fil-filmat, il-ġurnalista jgħid li jinsab ‘tajjeb’ waqt li jinstama’ ‘jammetti’ dwar delitti li qed ikun akkużat dwarhom mill-Gvern tal-Belarus.

Madankollu, attivisti favur id-drittijiet umani – fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belarus – ikkritikaw bl-aħrax il-filmat u enfasizzaw li Protasevich kien ‘taħt pressjoni kbira biex jgħid dak li rieduh jgħid l-awtoritajiet fil-Belarus’.

Intant , il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ikkundanna l-azzjonijiet tal-awtoritajiet fil-Belarus u fissirhom bħala ‘attakki sfaċċati fuq id-dissens politiku u l-libertà tal-istampa’.

Fl-aħħar sigħat, il-familja ta’ Protasevich esprimew il-biża’ li l-ġurnalista seta’ spiċċa suġġett għal tortura ‘sistematika’ u sostnew li ‘qed jibżgħu ħafna minn kif l-istorja kapaċi tiżvolġi’. Dan waqt li l-membri tal-familja ta’ Protasevich huma kważi konvinti li l-ġurnalista ‘qed isofri s-swat u mezzi oħra ta’ tortura’ taħt idejn il-pulizija tal-Belarus.

Dmitri Protasevich, missier il-ġurnalista, esprima x-xokk tiegħu u ta’ familtu dwar dak li għaddej minnu Roman Protasevich u sostna li ‘ħadd ma jista’ jemmen li ħaġa bħal din qed isseħħ fil-qalba tal-Ewropa, fil-21 Seklu’.

Sadanittant, numru ta’ attivisti favur id-drittijiet umani qed jesprimu tamiet li l-komunità internazzjonali kollha – fosthom l-Unjoni Ewropea — twettaq pressjoni bla preċedent fuq l-awtoritajiet f’Minsk u fuq il-President Lukashenko; alleat kbira tar-Russja u li ħareġ kemm-il darba bħala antogonista tal-Punent.

L-istess attivisti qed jittamaw li l-pressjoni – u s-sanzjonijiet li sal-bieraħ kienu qegħdin jidhru inevitabbli  — iġiegħelu  lill-awtoritajiet f’Minsk jirrealizzaw li għamlu żball kbir u jeħilsu lill-ġurnalista mill-aktar fis.

Fl-aħħar sigħat, diversi linji tal-ajru tal-Ewropa kienu diġà qed jibdlu r-rotot tal-ajruplani tagħhom u jdawwruhom ‘il hinn mill-ispazju tal-ajru tal-Belarus.

Ir-Renju Unit issospenda l-permess tat-titjiriet għall-Belavia, il-linja tal-Istat tal-Belarus, waqt li mexxejja tal-Unjoni Ewropea qed iħeġġu lill-Istati membri biex jieħdu azzjoni simili.

Fi żvilupp separat, il-Belarus keċċa lill-Ambaxxatur tal-Latvja u diplomati oħrajn wara li l-bandiera tal-Belarus tneħħiet minn Riga, fejn qed isiru l-Kampjonati tad-Dinja tal-Ice Hockey, u minflokha tpoġġiet bandiera storika bajda u ħamra li tintuża mill-Oppożizzjoni f’Minsk. Min-naħa tagħha, il-Latvja wkoll keċċiet numru ta’ diplomati tal-Belarus mill-kapitali tagħha.