Internazzjonali

Peru: Maqtula mill-gwerrillieri qabel l-elezzjoni

Inqatlu talanqas sittax-il-persuna – fosthom tfal – waqt attakk ta’ gwerrillieri fuq il-villaġġ ta’ San Miguel del Ene. Intant, il-grupp tar-ribelli Sendeiro Luminoso (magħmul minn ġellieda Maoisti) ħa responsabbiltà għall-qtil u qal li kien għaddej ‘b’kaċċa għal tradituri fl-inħawi’.

Is-Sendeiro Luminoso tilef ħafna mis-saħħa li kellu wara l-arrest tal-kap tiegħu fl-1992 u l-Gvern tal-Peru qed jgħid li l-ġellieda inkwistjoni, issa, huma parti minn grupp kriminali li hu involut fit-traffikar tad-droga.

Il-qawwiet tas-sigurtà li sabu l-katavri tal-vittmi fil-villaġġ skoprew ukoll messaġġi ffirmati minn taqsima armata tas-Sendeiro li wissew lin-nies biex ma jivvutawx fl-elezzjoni tas-6 ta’ Ġunju għall-Presidenza tal-Peru.

Il-messaġġ kompla li l-gwerrillieri qed jaħsbu biex jeliminaw ‘lit-tradituri u persuni li jgħinu u jappoġġjaw lill-Gvern tal-pajjiż’.