Lokali

Appoġġ u għarfien għal persuni li jbatu minn MS

Il-PN jappoġġja lill-persuni li jbatu mill-kundizzjoni tal-multiple sclerosis, fuq livell politiku iżda fuq kollox fuq livell uman.

Stqarr dan il-Kap tal-PN Bernard Grech f’diskors qasir fl-okkażjoni tal-mixegħla tad-Dar Ċentrali bid-dwal oranġjo biex titqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni. Il-Jum Dinji dwar l-għarfien dwar l-MS ikun mfakkar fit-30 ta’ Mejju ta’ kull sena.

Il-mixegħla saret fil-preżenza ta’ membri tas-Soċjeta’ Maltija tal-MS u l-Viċi Kap tal-PN għall-ħidma fil-Parlament David Agius.

F’kumment ma’ Net News il-Kap tal-PN saħaq dwar l-importanza li jkun hemm investiment kemm fir-riċerka kif ukoll fis-servizz offruti sabiex persuni li jsofru minn din il-kundizzjoni isibu inqas ostakli fil-ħajja ta’ kuljum.

Min-naħa tagħha, il-President tas-Soċjeta’ Carmen Muscat irringrazzjat lill-PN ta’ dan il-ġest ta’ appoġġ. Hi qalet li minħabba diffikultajiet finanzjarji fejn ma setgħux isiru attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, is-Soċjeta’ kellha tnaqqas is-servizzi ta’ terapija li kienet toffri fid-djar tal-persuni li jbatu bl-MS.

Hi qalet li filwaqt li l-Gvern joffri servizzi ta’ diversi terapisti fl-Isptar, għal persuni li huma bedridden, is-servizz ta’ terapija isir fid-djar grazzi għall-ħidma tas-soċjeta’.

Il-kundizzjoni tal-multiple sclerosis hi waħda li taffetwa in-nervituri. Persuni milquta bl-MS jista’ jkollhom varjeta’ ta’ sintomi, inkluż dawk li ma jkunux viżibbli iżda li xorta jaffetwaw serjament il-ħajja tal-persuna.

Hu stmat li mal-400 persuna f’Malta u 2.8 miljun persuna madwar id-dinja, issofri minn MS