Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista jirrifondi l-miljuni ta’ ewro li l-poplu qed jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-2013 ‘l hawn.
Dan ħabbru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul konferenza tal-aħbarijiet wara li kien żvelat kif rapport li mistenni joħroġ mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali se juri li l-konsumaturi jafu ġew imġegħla jħallsu ż-żejjed.
Hu stmat li fit-tmien snin kemm ilu l-Gvern Laburista, insterqu b’€6.5 miljuni fis-sena, li jammontaw għal €50 miljun. Dan meta l-qasam tal-Enerġija kien il-flagship tal-Partit Laburista, iżda għamel ħerba minnu. Hu għalhekk li dan il-pajjiż għandu bżonn Paġna Ġdida.
Bernard Grech qal li sal-lum, għadha ma saret l-ebda ġustizzja mal-poplu, la minn Joseph Muscat u lanqas minn Robert Abela. U bħalma l-Gvern isib kull mezz biex jieħu lura dak li hu tiegħu mingħand il-poplu, għandu jsib kull mezz possibbli biex jgħaddi lura lill-poplu dak li hu tal-poplu.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija Ryan Callus.
David Agius fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur jiltaqa’ man-nies u jara kif, minn 1,400 kont, 80% tal-poplu ħallas żejjed. Hu fakkar ukoll kif l-eks Prim Ministru Joseph Muscat – fl-2018 u fl-2019 – kien wiegħed li se jikkoreġi l-anomaliji fis-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Madankollu, il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma għamel xejn dwar dan u għadu qed jisraq lill-poplu. Għax għal dan il-Gvern, dan qisu xejn mhu xejn u ħadd ma jaf fejn qed imorru dawn il-flus misruqa.
Min-naħa tiegħu, Ryan Callus fakkar kif fl-Istrateġija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista wiegħed li Gvern ġdid jirranġa dawn l-anomaliji, ladarba hu evidenti li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx jagħmel dan.
Qal li hu ċar li l-Gvern Laburista rabat lil pajjiżna biex jixtri l-enerġija kollha mingħand l-Electrogas, anke jekk ma jintużax il-konsum kollu.
U l-fatt li matul il-pandemija kien hemm nuqqas ta’ konsum, dan wassal għal telf ta’ flus mill-Enemalta, bil-ħaddiema spiċċaw jiġu ttrasferiti f’dipartimenti oħrajn minkejja li huma professjonisti f’xogħolhom.
Hu kompla li mhux talli qed jintilfu l-flus minħabba dan il-ftehim, iżda wkoll ir-riżorsa li nistgħu nużaw bi prezz orħos mill-Interconnector qed tintilef. Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta programm ta’ proposti għall-Enerġija mifrux fuq 30 sena, li minnu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>