Lokali

Il-FPPN favur l-inizjattivi li joħolqu xogħol ta’ kwalità f’Għawdex għall-Għawdxin.

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) huwa favur dawk l-inizjattivi li għandhom bħala skop il-ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex għall-Għawdxin.

Il-Community Work Scheme (CWS), kienet imwaqqfa bl-iskop li tagħti iktar opportunitajiet ta’ xogħol lil dawk il-persuni li huma żvantaġġati jew li jkunu ilhom qiegħda għal ċertu tul ta’ żmien. L-għan primarju tal-iskema mhuwiex li il-parteċipanti jibqgħu involuti fl-iskema b’mod permanenti, imma li jiksbu ċertu għarfien u esperjenza sabiex ikunu jistgħu isibu xogħol aħjar. 

Skond statistika li ġiet ippreżentata reċentement fil-parlament, l-iskema ħaddmet 94 persuna fl-ewwel sena tagħha (2009). Fis-sena 2019, in-numru kien ta’ 919 u fis-sena 2020 kien ta’ 1,030. Skond din l-statistika, 463 parteċipant ta’ din l-iskema jaħdmu f’Għawdex, li huwa ekwivalenti għal 45% tat-total. Dan juri li l-iskema hija użata ħafna iktar f’Għawdex, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li il-popolazzjoni ta’ Għawdex tikkontribwixxi biss għal 6.7% ta’ dik nazzjonali.  

Fis-sena 2019, fir-rapport tiegħu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), wissa kontra ir-riskju li din l-iskema tiġi użata sabiex nies li huma żvantaġġati jitneħħew minn fuq ir-reġistru tal-qgħad u jiġu assorbiti minn din l-iskema. B’dan il-mod, l-iskema, minflok tiġi użata b’mod temporanju sabiex il-persuni jiksbu it-taħriġ meħtieġ sabiex isibu impjieg ta’ kwalità, tista’ tiġi użata biex in-nies jiġu impjegati fl-iskema permanentement. 

Għawdex minn dejjem kellu sfida sabiex joħloq postijiet tax-xogħol. L-istatistika maħruġa fil-parlament hija evidenza li il-Gvern, minflok joħroġ b’ideat ġodda sabiex joħloq impjiegi ta’ kwalità għar-residenti Għawdxin, qiegħed jinqeda b’din l-iskema sabiex jagħti impjiegi prekarji. 

FPPN jemmen li Gvern ta’ viżjoni għandu id-dover li jfassal pjan ekonomiku li huwa sostenibbli u li jiġġenera opportunitajiet ta’ xogħol għar-residenti Għawdxin. FPPN jemmen fl-inizjattivi tal-Partit Nazzjonalista, sabiex il-ħaddiema Għawdxin ma jkollhomx bżonn jikkuntentaw lilhom infushom b’xogħol ta prekarjat, li jissodisfa biss l-istatistika tal-Gvern preżenti, imma li jkollhom xogħol ta’ kwalità u li permezz tiegħu jistgħu jipprosperaw huma u il-familji tagħhom.