Futbol Sport

Imut l-eks difensur tal-Italja Tarcisio Burgnich

Fl-Italja tħabbret il-mewt tal-eks difensur ta’ Inter u tat-tim Nazzjonali Tarcisio Burgnich. Huwa kellu 82 sena. F’karriera ta’ għoxrin sena bħala plejer iddebutta fl-1958-60 ma’ Udinese sabiex wara li ingħaqad ma’ Juventus u Palermo, fl-1962 mar ma’ Inter fit-tim ta’ Helenio Herrera fejn rebaħ l-unuri kollha fi 358 partita li lagħab sal 1974 u matulhom skorja wkoll 5 gowls. Temm il-karriera fl-1977 wara tlett staġuni ma’ Napoli fejn lagħab 84 partita.

Bejn l-1963 u l-1974 kien pedina importanti fit-tim nazzjonali Taljan l-aktar f’dak immexxi minn Ferruccio Valcareggi. Fl-1968 rebaħ il-Kampjonat tal-Ewropa u fl-1970 fil-Messiku kien finalist fit-Tazza tad-Dinja mirbuħa mill-Brazil. F’dik l-edizzjoni iżda jibqa mfakkar għal gowl li kien skorja fis-semi finali kontra l-Ġermanja f’dik li għadha meqjusa bħala ‘L-partita tas-seklu’ li l-Italja kienet rebħet 4 – 3 fil-ħin barrani.

Ma’ Inter fil-formazzjoni tipika : Sarti – Bugnich – Facchetti rebaħ erba’ kampjonati, Coppa Italia, darbtejn it-Tazza tal-Ewropa fil-finali kontra Real Madrid u Benfica kif wkoll darbtejn it-Tazza Interkontinentali fl-1964 u fl-1975 . Ma Juventus rebaħ il-Kampjonat 1960-61 filwaqt li ma’ Napoli fl-1976 rebaħ it-Tazza Anglo-Taljana u l-Coppa Italia fl-1975-76.