Lokali Qorti

Intervent tat-tfajla ta’ żagħżugħ tevita inċident aktar diżastruż f’argument fit-triq

Intervent minn tfajla ta’ żagħżugħ li ġie kundannat 26 xahar ħabs wara li dan ħebb għal raġel f’argument li nqala waqt is-sewqan wassal biex jiġi evitat inċident diżastruż. Dan wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati dwar inċident li seħħ f’Marzu ta’ sentejn ilu.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat li kopja tas-sentenza tigi notifikata lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bil-għan li Brandon Lee Psaila ta’ 23 sena mill-Fgura, jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa lill-appellant sabiex jsostni r-relazzjonijiet li għandu ma’ dawk ta’ madwaru li l-iktar joffrulu sostenn, u sabiex anke jindirizza l-aspetti trawmatiċi li għadda minnhom f’ħajtu permezz ta’ għajnuna psikoloġika.

Il-Qorti qalet ukoll li jkun ta’ siwi jekk id-Direttur jghin lil Pisani jindirizza b’mod serju d-dipendenza li għandu fuq is-sustanza tal-cannabis. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati wara li Psaila nstab ħati li ħebb għal raġel wara argument li nqala’ waqt li t-tnejn kienu qed isuqu.

Fit-8 ta’ Marzu 2019, għall-ħabta tal-10.15 a.m. fi Triq Aldo Moro fil-Marsa, Psaila ħebb għal Walid Jadalla Mohamed Abo Assaf u kkaġunalu ġrieħi ħfief. Huwa nstab ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika, li kkommetta reat waqt ordni ta’ probation u li kiser sentenza sospiża fejn kien ikkundannat 24 xahar ħabs.

Psaila, tenna li fil-jum tal-inċident kien għaddej mat-tfajla tiegħu, u qal li huwa waqaf biex jara jekk kienux ħabtu meta raġel, li kien ma’ martu, ħebb għalih b’ħadida u mbuttah biex jiddefendi lilu nnifsu. Assaf qal li huwa waqqaf il-karozza fil-ġenb wara li ra lill-akkużat irrabjat għax indaqq xi ħorn u meta kien qed jispjegalu li ma kienx hu l-ġuvni ħebb għalih. Psaila kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u minbarra xahrejn ħabs daħlu fis-seħħ ukoll l-24 xahar ħabs sospiżi għal total ta’ 26 xahar priġunerija.

Sar appell bl-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tiċħadulu u qalet sostniet li l-aġir tiegħu ma kienx każ ta’ difiża u anke rrimarkat li kien l-intervent tat-tfajla tiegħu li evita “riżultat aktar diżastruż” f’dan l-inċident. Hija nnutat li minkejja li għad għandu 23 sena Psaila diġà nstab ħati ta’ diversi reati fosthom numru ta’ serqiet, arrest illegali, li kellu oġġetti misruqa u li kkaġuna biża’ fuq mara.

Hija studjat ukoll ir-rapport tal-uffiċjal tal-probation fejn jirriżulta li kien ilu mindu kellu 15-il sena juża l-kannabis u rrimarkat li minkejja li kellu sentenza ta’ priġunerija mdendla fuq rasu xorta baqa’ jwebbes rasu u jibqa’ jieħu d-droga.
L-Imħallef Scerri Herrera talbet lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex matul il-perjodu tal-priġunerija jgħinu jindirizza t-trawmi li għadda minnhom f’ħajtu.