Lokali Parlament

Jeħtieġ viżjoni dwar fejn iridu jaslu l-persuni b’diżabbiltà

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li fil-pajjiż jeħtieġ viżjoni dwar fejn iridu jaslu l-persuni b’diżabbiltà mibnija fuq ħiliet u l-appoġġ meħtieġ biex huma jkunu utli għas-soċjetà.

Fil-parlament Kevin Cutajar tkellem dwar it-2% ta’ persuni b’diżabbiltà li jridu jkunu impjegati u dwar il-multi li issa se jkunu effettwati jekk dan ma jsirx u qal li qed jiddaħħlu aġevolazzjonijiet għal min iħaddem biex din il-liġi titħaddem.

Dan joħloq dubji, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dawn m’għandomx isiru minħabba li kulħadd għandu jħallas din il-kontribuzzjoni. Dan qed isir meta jidher li m’hemmx qbil bejn il-partijiet kollha dwar kif isiru l-affarijiet, sostna Kevin Cutajar, li kompla li l-konsensus hu element importanti ħafna biex il-miżuri jkunu effettivi.

Hu qal li tul is-snin inħoloq preġudizzju fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà; għad hemm ċirkostanzi fejn il-persuni b’diżabbiltà stess li jsaħħu dan il-preġudizzju għaliex huma mhux dejjem jagħrfu kemm għandhom jirċievu appoġġ.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-persuni b’diżabbità ma jemmnux fihom innfushom u żied li jeħtieġ viżjoni dwar fejn għandu jasal is-settur tal-persuni b’diżabbiltà. Din il-viżjoni tmur lil hinn mill-kwoti u l-penali, qal Kevin Cutajar, li kompla li fl-aħħar tmien snin saret enfasi fuq il-bżonn li iktar perusni b’diżabbiltà jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda l-politka tal-gvern ħarset aktar lejn il-kwantità milli lejn il-kwalità.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-persuni b’diżabbiltà m’humiex statistika iżda huma nies bl-ambizzjonijiet li jridu jirnexxu f’ħajjithom. Dawn għandhom dritt li jkollhom impjiegi ta’ kwalità.