Lokali

L-MEA tisħaq dwar trasparenza fuq il-‘positions of trust’

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem tenniet mill-ġdid is-sejħa tagħha għal trasparenza sħiħa dwar persuni li għandhom position of trust.

Fi stqarrija l-MEA qalet li dan hu punt importanti għall-governanza tajba hekk kif il-Gvern hu marbut li jagħti rendikont dwar kif jintefqu flus it-taxpayer.

L-MEA għamlet diversi proposti f’dan ir-rigward, fosthom, limitu fuq numru ta’ persuni ingaġġati b’dan il-mod, trasparenza sħiħa dwar il-pakketti finanzjarji tagħhom, il-kwalifiki tagħhom u audits regolari sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il-persuni humiex verament jagħmlu ix-xogħolijiet li għalihom ġew ingaġġati u li qed jitħallsu.

Filwaqt li l-Assoċjazzjoni tifhem li kull Gvern irid iqabbad numru ta’ persuni fuq din il-bażi imma dan ma jistax iservi bħala skuża biex isir nepotiżmu bla rażan mal-ftit privileġġjati.

L-MEA qalet li l-ħabi mill-Gvern fuq is-salarji ta’ dawn in-nies impjegati miegħu tistona sew u tmur għal kollox kontra t-trasparenza li jippriedka lis-settur privat.

L-Assoċjazzjoni innotat li kien hemm diversi impjegati ħallew xogħol produttiv fil-privat biex imorru mas-settur pubbliku, jitħallsu ferm iktar mill-iskali tas-servizz pubbliku u ma jagħmlu prattikament xejn.

L-MEA appellat għal kunsens bejn il-partiti sabiex dawn l-abbużi jinqatgħu darba għal dejjem.