Lokali

“Proposti li jindirizzaw lill-priġunier u lill-vittma” – il-Fundatur tal-Fondazzjoni RISE

M’huwiex faċli li tikkombina lill-priġunier u lill-vittma fid-deċiżjonijiet li tieħu. Iżda l-proposti li għandhom iwasslu għal detenzjoni b’dixxiplina u dinjità jindirizzawhom lit-tnejn li huma. Għax it-tnejn huma membri tas-soċjetà tagħna.

Hekk qal Dun Franco Fenech, il-Fundatur tal-Fondazzjoni RISE, meta fil-programm NET Live irreaġixxa għad-disa’ proposti ppreżentati aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Partit Nazzjonalista.

Dun Franco qal li rridu nżommu f’moħħna li ħafna mill-priġunieri se jkunu lura fis-soċjetà ladarba jiskontaw is-sentenza fil-Ħabs. Għaldaqstant, qal li l-interess prinċipali tagħna għandu jkun li ma jkollniex persuni li jirrepetu r-reati li jkunu wettqu fil-passat u allura, ma jkollniex aktar vittmi.

Il-Fundatur tal-Fondazzjoni RISE – li taħdem viċin il-priġunieri biex tgħinhom fit-tranżizzjoni mill-ħajja fil-Ħabs lura fis-soċjetà – kompla li l-fatt biss li saru proposti bħal dawn hu pożittiv ħafna.

Dun Franco Fenech qal li l-għan tal-Fondazzjoni mhix li l-priġunieri jinħelsu mill-Ħabs, iżda li tara li dawn jerġgħu jkunu parti mill-benesseri tas-soċjetà. Għax ladarba taqla’ persuna miċ-ċirku kriminali, tkun qed taqla’ ġenerazzjoni sħiħa.

Mistoqsi minn Robert Cremona dwar it-tħassib li jġib miegħu l-iffullar fil-Ħabs, hu qal li dan jinkweta ħafna lill-Fondazzjoni għax hu bla bżonn, ladarba – grazzi għall-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista – ħareġ fiċ-ċar li hemm soluzzjoni għal din il-problema.

Madankollu, hu stqarr li din il-problema s’issa għadha mhix qed tiġi indirizzata u l-priġunieri qed jgħixu f’ambjent li minnu nnifsu ma jgħinx fir-riabilitazzjoni.

Ikkummenta