Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ negozju t’armi

Raġel ta’ 41 sena safa arrestat mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, b’rabta ma’ negozju ta’ armi tan-nar.

Wara operazzjoni konġunta bejn dan id-dipartiment u r-Rapid Intervention Unit, uffiċjali tal-Pulizija arrestaw lir-raġel li jgħix Birżebbuġa.

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-2.00pm, il-Pulizija rċiviet informazzjoni li f’Birżebbuġa kien se jsir negozju ta’ armi tan-nar. Iż-żewġ skwadri marru immedjatament fil-post fejn iċċirkondaw il-karozza li kienet qiegħda tinstaq mir-raġel u arrestawh.

Fi tfittxija li saret fil-vettura, instab basket li fih kien hemm pistola, li wkoll kienet ikkargata b’żewġ balal. Ir-raġel ittieħed l-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.

Hu mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest dalgħodu fil-11.00am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia b’akkużi relatati ma’ pussess ta’ arma tan-nar bla liċenzja, fost oħrajn.