Futbol Sport

Rapporti jindikaw li Conte jista’ jħalli lil Inter wara diżgwid mal-president Steven Zhang

Rapporti fil-midja internazzjonali qed jindikaw li l-coach ta’ Inter Antonio Conte jista’ jħalli lil club fil-jiem li ġejjin wara diżgwid mal-president tal-club Steven Zhang. Jidher li dan id-diżgwid seħħ hekk kif iċ-champions Taljani jridu jnaqqsu l-pagi b’20% filwaqt li jiġġeneraw madwar £86 miljun f’ bejgħ ta’ plejers, biex ma jispiċċaw f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja.

Dan irrabja mhux ftit lil Conte li mistenni jiltaqa’ mad-dirġenti ta’ Inter biex jiddiskuti t-terminazzjoni tal-kuntratt mal-club. Conte kellu żewġ staġuni pożittivi ma’ Inter fejn dan l-istaġun waqqaf id-dominanza ta’ disa’ snin ta’ Juventus, b’ Inter jirbħu s-Serie A wara ħdax-il sena.

Sadanittant, jidher li l-president ta’ Tottenham Daniel Levy huwa nteressat ferm li jikseb lil Anotnio Conte wara d-diżappunt li kellu mal-club Jose Mourinho.