Lokali Qorti

Sentenza miżjuda b’sena u nofs wara li ta n-nar bieb ta’ residenza

Raġel residenti Ħaż-Żebbuġ kellu s-sentenza tiegħu ta’ ħabs miżjuda b’sena u nofs mill-Qorti tal-Appell wara li permezz ta’ materjal imxarrab bil-fjuwil u ‘lighter’, meta kien wara l-bieb moħbi bil-ħasira, ta n-nar lil dan il-bieb.
Minn sentenza ta’ erba’ snin ħabs Martin Marco Baldacchino kellu l-piena tiegħu miżjuda għal waħda ta’ sitt snin wara li kellu l-intenzjoni li jqabbad residenza meta kien jaf li fuq ġewwa kien hemm xi persuni, jew li seta’ kien hemm persuni ġewwa fil-mument tal-ħruq.

Sussegwentement l-akkużat ħarab minn fuq il-post u dan kollu sar quddiem il-kuntistabbl Alfred Chetcuti li dak il-ħin ma kienx xogħol iżda xorta waħda ġera wara l-akkużat u arrestah ftit il-bogħod minn fejn ġara l-inċident. Dak il-ħin f’din ir-residenza kien hemm Saviour Falzon, il-mara tiegħu Mary Falzon, it-tifel tiegħu George Falzon u xi ħaddiema li dak il-ħin kienu qed jagħmlu xi xogħol fuq il-bejt ta’ din ir-residenza.

Fortunatament ħadd minn dawn il-persuni ma sofra ġrieħi jew miet u dan grazzi għall-intervent ta’ xi persuni li immedjatament ikkontrollaw in-nar. L-Imħallef Edwina Grima, bħala Aġent President flimkien mal-Imħallfin Giovanni M. Grixti u Aaron Bugeja ikkonkludew li din kellha tkun il-piena minima.

Martin Marco Baldacchino kien ammetta qabel kellu jgħaddi ġuri li fl-24 ta’ Awwissu 2011, li għall-ħabta tat-3.-00 p.m. ta n-nar lil bieb ta’ dar f’Ħal Qormi. Id-dar tinsab fi Triq il-Kbira u mill-istħarriġ kien irriżulta li Baldacchino daħal wara l-ħasira, tefa’ ħwejjeġ imxarrba bil-fjuwil mal-bieb u tahom in-nar.

Mix-xiehda tal-Uffiċjal tal-Probation Odelsie Bayliss, maħtura mill-Qorti sabiex tħejji pre-sentencing report aġġornat fil-konfront tal-ħati, jidher li jinsab miexi fit-triq tar-riforma f’ħajtu u għalkemm jirriżulta illi għadu ma ħelisx għal kollox mid-dipendenza tiegħu fuq id-droga, speċjalment meta jkun qed jiffaċċja mumenti diffiċli f’ħajtu, madanakollu jidher illi dan il-konsum illum huwa wieħed sporadiku.

Dan ifisser li għandu jibbenefika minn pjan ta’ kura biex jegħleb għal kollox dan il-vizzju li ħakimlu ħajtu mill-età tenera ta’ 15-il sena. Wara li kien ikkundanant erba’ snin u nofs ħabs l-Avukat Ġenerali appella bil-Qorti tgħid li għall-akkużi li nġiebu kontrih Baldacchino kellu jingħata piena minima ta’ sitt snin ħabs.