Lokali

Tinfaqa’ bużżieqa oħra f’wiċċ il-Partit Laburista – PN

Ikun aktar għaqli li kieku l-Partit Laburista, minflok iħarreġ lid-deputati tiegħu fil-Parlament Ewropew biex jivvintaw l-istejjer, jibdew jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi - PN

Hija gidba li l-Partit Nazzjonalista ħadem biex ikun hemm diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar l-immaniġjar tal-fondi Ewropej f’Malta.

Dawn id-diskussjonijiet tekniċi bil-parteċipazzjoni tal-OLAF u l-Kummissjoni Ewropea jsiru b’mod regolari fuq l-Istati Membri kollha, u llum kien imiss lil Malta.

Illum, il-bużżieqa tal-Partit Laburista infaqgħet f’wiċċu, tant li l-MEPs tiegħu spiċċaw iwaqqgħu isem
Malta għaċ-ċajt.

Il-Partit Nazzjonalista hu kburi bis-sistema tal-immaniġjar tal-fondi Ewropej li teżisti f’Malta kif saret
meta pajjiżna daħal bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Illum, l-ewroparlamentari laburisti kkonfermaw kemm m’għandhomx idea ta’ kif jaħdem il-Parlament
Ewropew. Ma jafux jagħmlu differenza bejn diskussjoni teknika u punt politiku. Għalihom l-importanti
kien li d-diskors li ppreparaw imorru jaqrawh, irrelevanti mill-kuntest.

Ikun aktar għaqli li kieku l-Partit Laburista, minflok iħarreġ u juża d-deputati tiegħu fil-Parlament
Ewropew biex jivvintaw l-istejjer, jibdew jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa, hu kommess li
jibqa jaħdem biex jinkisbu aktar fondi ewropej għall-Maltin – kif dejjem għamlu.