Internazzjonali

TRAĠEDJA STRESA: Tliet ħaddiema tal-manutenzjoni jammettu tbagħbis fis-sistema tal-cable car

Fl-aħħar sigħat kien hemm żvilupp  importanti fit-traġedja ta’ tmiem il-ġimgħa fi Stresa. Dan hekk kif tliet ħaddiema tal-manutenzjoni ammettew li problema li kienet ilha tippersisti madwar xahar u nofs wasslithom biex bgħabsu s-sistema awtomatika tal-brejkijiet.

Il-ħaddiema spjegaw kif biex jippruvaw jirranġaw l-anomalija li kienet żviluppat fis-sistema tal-cable car, kienu deffsu furkettun. Deċiżjoni li swiet il-ħajja ta’ 14-il persuna.

It-tliet irġiel qalu li l-għodda kienet tpoġġiet hemm apposta u ma tħallietx fil-post bi żball. Dan sabiex iżżomm miftuħa s-sistema tal-brejkijiet tal-emerġenza, u li fl-aħħar issarfet fi traġedja umana.

Il-Kmandant Provinċjali tal-Carabinieri di Verbania Alberto Cicognani ikkonferma l-ammissjoni tat-tliet ħaddiema u qal li kienu għazlu li jużaq il-furkettun biex jevitaw aktar interruzzjonijiet fis-servizz tal-cable car. Flimkien mat-tliet ħaddiema, il-Pulizija Taljana qed iżżomm arrestat ukoll lis-sid tal-kumpanija li topera s-servizz.

L-uzu ta’ dan il-furkettun jidher ukoll f’filmat illi ixxandar online mill-gurnal Taljan La Repubblica.

Intant, aħbar aktar pożittiva hi li ċ-ċkejken Eitan, l-uniku persuna li baqa’ ħaj minn dan l-inċident,stenbah għal xi ħin l-Erbgħa filgħodu biex kif fetaħ għajnejh sab quddiemu liz-zija tiegħu.  Hu qed jinżamm taħt il-lopju iżda jinsab f’qagħda stabbli.

Eitan irnexxielu jibqa’ ħaj grazzi għall-mod kif missieru għannqu miegħu biex jipprova jevitalu l-impatt li ħalla l-kumplament tal-familja tiegħu mejta.