Lokali

“Waħda mill-prioritajiet hi li niksbu lura l-fiduċja tal-poplu” – Angelo Gafà

F’intervista ma’ Xarabank, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega kif waħda mit-tliet miri prinċipali li għandu l-Korp hi li jerġa jqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-uffiċjali tal-Pulizija, bil-Kummissarju jgħid li l-ewwel riżulati juru li din il-fiduċja diġà bdiet terġa’ tikber.

Tul din l-intervista, Peppi Azzopardi staqsa lill-Kummissarju dwar kif snin ilu kellu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li fetaħ inkjesti dwar korruzzjoni u tixħim minkejja lil-FIAU kienu ppreżentaw rapporti dwar dan, u talab lil Gafà għal assigurazzjoni li dan ma jerġax jiġri.

Angelo Gafà qal li dawn huma każijiet kumplessi imma minn naħa tiegħu, hu qed jaħdem id f’id  mal-Maġistrat Inkwerenti. Hu qa li l-messaġġ ċar tiegħu hu li l-Korp huwa wieħed li jieħu xogħolu b’serjetà sħiħa u li hu miftuħ għal kull uffiċjal li jrid verament jaħdem.

Il-Kummissarju qal li bħalissa qed isir titjib fil-ligijiet li jirregolaw il-Korp biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jaħdmu f’aktar sigurtà iżda wkoll biex jagħmlu lill-Korp dejjem aktar kontabbli.

Peppi Azzopardi staqsa lill-Kummissarju dwar is-suppost skandlu taż-żejt, li issa ilu s-snin pendenti. Dwar dan il-Kummissarju qal li l-proċeduri dwar dan il-każ għadhom għaddejjin fil-Qrati.

Tul il-programm il-Kummissarju ċaħad għidut li se jkun qed jitlaq il-kariga tiegħu biex imur imexxi l-FIAU.

Dwar rapporti fuq abbużi, il-Kummissarju qal li xogħol il-Pulizija malli jidħol rapport hu li jinvestiga sew. Hu qal li filwaqt li kull każ irid jittieħed bl-akbar serjetà, iridu jkunu evitati wkoll sitwazzjonijiet fejn persuni jidħlu l-Qorti fuq rapporti foloz.

Mistoqsi dwar rigali li jkunu offruti lill-membri tal-Korp, hu qal li nħoloq reġistru fil-korp fejn fihom jitnizzlu dawn ir-rigali kemm jekk ikunu aċċettati kemm jekk le. U dwar leaks li kien hemm mill-Korp, il-Kummissarju qal li ma jittollerax leaks mill-Pulizija u li jrid jibqa’ jaħdem mill-qrib mal-media u mal-ġurnalisti.

Fi tmiem l-intervista, Angelo Gafà qal li fi ftit tal-jiem oħra se tkun qed toħroġ sejħa għal uffiċjali ġodda fil-Korp.