Internazzjonali

Covid-19: Imħeġġa investigazzjoni akbar dwar ‘ir-rwol’ taċ-Ċina f’din il-pandemija

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ħareġ direttivi biex l-uffiċjali tas-servizzi sigrieti Amerikani ‘jirduppjaw l-isforzi’ fl-investigazzjoni dwar l-oriġini tal-Covid-19 – u fejn qed tingħata attenzjoni partikulari lit-teorija li l-virus oriġina minn laboratorju fiċ-Ċina.

Is-servizzi sigrieti inkwistjoni, intant, jinsabu ‘bejn ħaltejn’ dwar jekk il-coronavirus ‘skappax’ waqt aċċident f’laboratorju inkella jekk l-oriġini tiegħu hix relatata ma kuntatt bejn bniedem u annimal infettat.

Intant, Joe Biden irid li l-uffiċjali jressqulu rapport speċifiku fi żmien tliet xhur, biċ-Ċina, mill-ġdid, qed tiċħad ‘it-teorija dwar il-virus prodott f’wieħed mil-laboratorji tagħha’.

Il-kelliema komunisti f’Beijing, fl-aħħar sigħat, innutaw ‘bidu ġdid tal-kampanja biex l-entitajiet interessati jwaħħlu l-coronavirus fiċ-Ċina’ u l-Ambaxxata Ċiniża fl-Istati Uniti rreferiet ukoll għal ‘kumplott ibbażat fuq l-istorja tal-laboratorju li hu intiż biex juri liċ-Ċina f’dawl negattiv’

Mindu l-Covid-19 kien indikat għall-ewwel darba fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan fl-aħħar xhur tal-2019, kienu konfermati ‘il fuq minn 168 miljun infezzjoni madwar id-dinja – b’talanqas 3.5 miljun mewta sussegwenti.

Diversi awtoritajiet irreferew għal relazzjoni bejn l-ewwel każi tal-Covid u suq li jbiegħ il-ħut u l-annimali slavaġ f’Wuhan, bix-xjenzati joħorġu bit-teorija li l-virus ‘għadda mill-annimali għall-bniedem’.

Madankollu aktar rapporti riċenti mill-media fl-Istati Uniti referew għal ‘aktar sinjali’ li l-virus seta’, fil-fatt, ħareġ minn laboratorju fiċ-Ċina – u meta l-media lanqas mhi teskludi għal ‘leak’ aċċidentali.

Il-President Biden, premezz ta’ stqarrija, qal li r-rapport li qed jitlob għandu jixħet aktar dawl ‘fuq jekk il-coronavirus oriġinax f’laboratorju’ — waqt li qed jinsisti  għal investigazzjoni regolari u bir-reqqa.

Għalissa, iżda, mhemmx biżżejjed informazzjoni li tindika li l-allegat ‘inċident fil-laboratorju’, bħala teorija, jista’ ikun aktar kredibbli mit-teorija dwar il-kuntatt bejn il-bniedem ma’ annimal jew annimali infettati.

Issa Biden qed jistenna li l-aġenziji għas-servizzi sigrieti jistinkaw għall-ġbir ta’ aktar informazzjoni li kapaċi tgħin biex l-Istati Uniti – u d-dinja – ‘jikkonkludu l-oriġini tal-coronavirus mingħajr ix-xkiel tad-dubju’.

L-Istati Uniti, intant, qed tgħid li se tkompli taħdem lejn dan il-għan ‘ma’ pajjiżi oħra tal-istess ħsieb’ u qed tittama li ċ-Ċina, ‘il quddiem, tipparteċipa f’investigazzjoni li titmexxa b’mod trasparenti fuq livell internazzjonali u li fuq kollox tibbaża fuq ‘il-provi u informazzjoni konklussiva’.

Iċ-Ċina, qabel, kienet issuġġeriet li l-Covid-19 ‘seta’ ħareġ minn laboratorju fl-Istati Uniti’ u issa, l-Ambaxxata Ċiniża f’Washington qalet li hi favur ‘li jkunu investigati xi bażijiet sigrieti, flimkien ma’ laboratorji bioloġiċi madwar id-dinja’.

Fl-istess ħin, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Beijing ikkundanna ‘il-kapitli suwed fl-istorja tal-aġenziji sigrieti tal-Istati Uniti’ u sostna li ‘il-Gvern ta’ Joe Biden qed juri li l-veru skop tiegħu hu li jattakka liċ-Ċina għall-iskopijiet tiegħu’.