Il-Qorti kkundannat raġel ta’ 43 sena għal erba’ snin ħabs wara li ammetta li attakka sesswalment tfajla ta’ 16-il sena fi triqitha għal-lezzjonijiet ta’ wara l-iskola. Baday Osman mit-Turkija kien akkużat li kkommetta r-reat fit-2 ta’ Ottubru 2019 f’Raħal Ġdid.
L-Ispetturi Joseph Busuttil u Hubert Cini kienu akkużaw lir-raġel li jaħdem fil-kostruzzjoni li wettaq att sesswali mingħajr kunsens u li kkaġuna feriti ħfief fuq il-vittma tiegħu. Huwa kien akkużat ukoll li attakka lit-tifla u kkawżaha biża li se tintuża vjolenza kontriha. Il-qorti kienet rat ċertifikat mediku li jiddokumenta l-ġrieħi tal-vittma u l-filmati CCTV tal-inċident.
Permezz tal-avukati tiegħu Giannella De Marco u Gianluca Caruana Curran, Osman kien kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi meta tressaq il-Qorti l-ewwel darba. Madankollu wara huwa ammetta għall-akkużi miġjubin kontrih. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-att seħħ mingħajr provokazzjoni u “fid-dawl tax-xemx, biex wera kif lilu xejn ma jżommu lura.” Għall-vittma dehru l-avukati Natalino Caruana De Brincat u Melhino Mercieca.
//= $special ?>