Lokali

Farsons tirrapporta riżultati moderati

Simonds Farsons Cisk plc ħabbar ir-riżultati finanzjarji għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2021, karatterizzata mill-Covid-19, u rrapporta profitt qabel it-taxxa ta’ €4.4 miljun – tnaqqis ta’ €7.9 miljun, jiġifieri 64% inqas minn dak li kien irrapportat fi tmiem is-sena ta’ qabel.

Il-Grupp, li żamm l-impjegati kollha matul din is-sena diffiċli minkejja li kellu tnaqqis sinifikanti fid-dħul u l-profitti tiegħu, kellu dħul ta’ €73 miljun, li meta tqabblu mal-€103.5 miljun tas-sena ta’ qabel ifisser tnaqqis ta’ 29.4%.

Dan it-tnaqqis fid-dħul kien mifrux fl-oqsma kollha tan-negozju, imma ġie rreġistrat l-aktar fl-operat tal-importazzjoni tax-xorb u fl-istabbilimenti liċenzjati tal-ikel minħabba n-nuqqas ta’ turisti u l-għeluq tal-bars u r-restoranti f’perjodi differenti tas-sena u wkoll peress li tħassru l-avvenimenti tal-massa.

Fl-istess ħin, it-tnaqqis fil-bejgħ li kellhom l-istabbilimenti tal-ikel pattew b’mod parzjali għalih id-drive thru u s-servizz tat-twassil tal-ikel fid-djar, li żdiedet ħafna d-domanda għalihom. 

Id-dejn nett tal-Grupp naqas bis-saħħa tal-miżuri li ħa l-Bord u t-tim maniġerjali biex jillimitaw in-nefqa kapitali, it-tnaqqis fl-istokk tal-inventarju, u biex jiffukaw aktar fuq it-trade collections u fuq ċerti skemi ta’ differiment tal-ħlas tal-VAT u tas-sigurtà soċjali li ħabbar il-gvern. Il-profitt ta’ wara t-taxxa hu ta’ €3.3 miljun.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, Norman Aquilina, qal li: “B’xorti ħażina, il-pandemija fixklet iż-żieda fid-dħul u fil-profitti li kien qed jagħmel il-Grupp sena wara l-oħra. Minkejja dan, għandna għaliex inkunu sodisfatti meta nqisu l-kuntest iebes u kumpless li kellna noperaw fih.”

Norman Aquilina spjega li meta sab ruħu fis-sitwazzjoni daqstant diffiċli li wasslet għal nuqqas konsiderevoli fil-konsum, il-Grupp ħa mill-ewwel għadd ta’ miżuri biex jiżgura li jkollu ambjent tax-xogħol sigur u, fl-istess ħin, produttiv filwaqt li fassal mill-ġdid l-istrutturi tal-ispejjeż biex jibża’ għall-qawwa finanzjarja li żviluppa matul is-snin.

Issa li l-miżuri ta’ restrizzjoni minħabba l-Covid-19 qed jitneħħew u t-tixrid tal-virus qed jitrażżan, il-Grupp qed iħejji ruħu għal żmien aħjar, iffukat, motivat u ħerqan biex jibqa’ miexi bl-istrateġija ta’ tkabbir fit-tul.

Iċ-Chairman tal-Grupp Farsons, Louis A. Farrugia, qal li hu sodisfatt bir-riżultati miksuba u ħerqan għal żmien aħjar. Id-deċiżjoni li jiġu differiti jew sospiżi d-dikjarazzjoni tad-dividends regolari ma tteħditx kif ġieb u laħaq. Madankollu, il-Bord ma ħassx li kellu jirrakkomanda dividend b’rabta mas-sena finanzjarja inkwistjoni.

“Jekk is-sitwazzjoni tkun aħjar, kif qed nistennew li jiġri, il-Bord imbagħad jittama li jikkunsidra b’mod favorevoli li jiddikjara interim dividend meta jħabbar ir-riżultati ta’ nofs is-sena tiegħu, f’Settembru 2021.”

Ġie rappurtat progress fl-investiment tal-Old Brewhouse li la jitlesta se jkun qed iservi ta’ vetrina għall-patrimonju industrijali mill-aqwa tal-Grupp u se jiġbor fih faċilitajiet li jipprovdulu aktar dħul, bħall-ħolqien ta’ birrerija żgħira li tispeċjalizza f’birer artiġġjanali, li għandha tgħin lill-Grupp jidħol f’settur ġdid tal-industrija tal-birra, kif ukoll spazji u stabbilimenti oħra innovattivi.

Il-Grupp Farsons se jorganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu b’mod elettroniku fl-24 ta’ Ġunju 2021.