Il-Partit Nazzjonalista jistiednek tirreġistra l-interess tiegħek fil-kawża tal-inġustizzja fil-mekkaniżmu ħażin li bihom qegħdin jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Għalhekk il-pubbliku huwa mistieden biex nhar is-Sibt li ġej jiġi d-Dar Ċentrali bejn id-9am u n-12.30pm u miegħu jġib l-karta tal-identità u n-numru tal-kont tad-dawl u l-ilma.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Viċi Kap tal-PN David Agius u mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus. David Agius qal li lbieraħ il-Kap tal-PN għamel il-pożizzjoni tiegħu dwar is-serq tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Kontijiet li fihom hemm is-serq u fejn il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid dan għal numru ta’ xhur. Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista jirrifondi l-miljuni ta’ ewro li l-poplu qed jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-2013 ‘l hawn… serq li jlaħħaq għa madwar 50 miljun ewro fi tmien snin.
Il-Viċi Kap David Agius għalekk għamel stedina lill-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex nhar is-Sibt li ġej jmorru d-Dar Ċentrali biex jirreġistraw il-kontijet tagħhom.. stedina lill-Maltin u Għawdxin kollha b’kawża nazzjonali biex issir ġustizzja f’pajjiżna.
Min-naħa tieħu l-Kelliem għall-Enerġija Ryan Callus qal li l-Partit Laburista fl-ebda mument ma ċaħad li dan is-serq mhux qed isir. U għalhekk l-anqas biss ikkommetta ruħu li jindirizza din l-anomalija aħseb u ara kemm kemm jirritorna lura l-flus li nsterqu mill-familji Maltin. Turija ċara ta’ kemm Gvern Laburista lilek itik iċ-ċiċri u għalihom għandhom il-miljuni.
Huwa qal li quddiem dan kollu huwa biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ jrodd lura dawk il-flus li nsterqu. Dan hekk kif il-PN immexxi mill-Kap Bernard Grech qed ikompli jieħu azzjoni fuq din il-kawża b’turija ċara li jagħti każ dak li qed jgħidu n-nies.
Ryan Callus reġa’ fakkar fil-proposti li ressaq il-PN għall-qasam tal-enerġija proposti li huma turija ċara ta’ kemm fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista hemm il-bniedem.
Intant, dawk kollha li nhar is-Sibt li ġej se jattendu għal din l-inizjattiva, għandhom jiedħu magħhom il-karta tal-identitá u n-numru tal-kont tad-dawl u l-ilma.
//= $special ?>