Internazzjonali

Hong Kong: Tgħaddi liġi kontroversjali li tesiġi l-‘patrijottiżmu’

Ir-residenti f’Hong Kong huma urtati dwar liġi ġdida kontroversjali għal riforma elettorali u li għandha żżomm lin-nies li ċ-Ċina ma tqishomx bħala ‘patrijotti’ milli jieħdu karigi ta’ poter f’din l-eks kolonja Britannika.

Ir-riforma tippermetti biex panel ta’ uffiċjali favur iċ-Ċina jevalwaw u jeleġġu lill-kandidati taħt sistema li tnaqqas mir-rappreżentazzjoni demokratika fir-rwoli tal-amministrazzjoni f’dan it-territorju.

Il-kritiċi ta’ dan il-pass wissew li l-Gvern komunista Ċiniż qed jaħseb biex jelimina l-Oppożizzjoni sħiħa mill-Parlament ta’ Hong Kong  bil-għan li Beijing isaħħaħ il-kontroll fuq it-territorju li kien għadda taħt is-sovranità taċ-Ċina fl-1997 u li sa ftit ilu kien igawdi livell ta’ awtonomija.

Intant, il-liġi kontroversjali qed tissemma bħala miżura oħra taċ-Ċina biex toħnoq id-dissens f’Hong Kong.

Mindu l-liġi għar-riforma elettorali kienet introdotta mill-Gvern Ċiniż f’Marzu, ma naqsux l-istqarrijiet ta’ kundanna mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-abbozz ta’ liġi għadda xorta b’maġġoranza kbira mill-Parlament ta’ Hong Kong li hu ddominat mil-leġislaturi favur iċ-Ċina. Mistenni li l-abbozz ikun iffirmat dalwaqt bħala liġi minn Carrie Lam, il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, li qalet li ‘il-liġi ma tiddiskriminax man-nies għall-fehmiet politiċi tagħhom iżda sservi biex tindika lill-kandidati li mhumiex patrijotti’.