L-Istat ta’ Victoria – li għandu t-tieni l-akbar popolazzjoni fost l-Istati kollha tal-Awstralja – beda lockdown ta’ ġimgħa bil-għan li jikkontrolla epidemija tal-Covid-19 fil-belt kapitali ta’ Melbourne. Il-virus jidher li qed jinfirex malajr fl-inħawi ta’ Melbourne, bl-awtoritajiet lokali jirrappurtaw talanqas 30 każ waqt li identifikaw mal-150 sit fejn in-nies setgħu spiċċaw esposti għall-virus.
Il-każi li qed jiżviluppaw qed iqanqlu wkoll ‘ansjetà sinifikanti’ meta r-residenti ta’ Victoria għadhom ‘ibatu bil-memorji’ ta’ meta l-Istat, is-sena l-oħra, kien inħakem minn tieni mewġa devastanti tal-Covid.
L-Aġent Prim Ministru ta’ Victoria,James Merlino, qal li l-inċidenza attwali tal-virus jinvolvi element tal-Covid li kapaċi jinfetta malajr ħafna lin-nies. L-element kien identifikat bħala l-varjant ‘B.1.617’ u l-ewwel każ riċenti qed jingħad li kien dovut għal ċittadin li rritorna mis-safar u li kien carrier tal-virus.
Intant, James Merlino qal li l-varjant inkwistjoni ‘kien qed jinfirex aktar malajr mill-każi kollha tal-Covid qatt irreġistrati’ fl-Istat ta’ Victoria.
Id-diversi każi ġodda tal-virus instabu f’numru sostanzjali ta’ lokalitajiet madwar Victoria u fejn jidher li sors partikulari ta’infezzjoni kienu l-attendenzi numerużi waqt il-logħob tal-football fis-stadiums ta’ Melbourne.
Sadanittant, James Merlino irrefera għal ’10,000 każ ta’ kuntatti mal-virus fuq livell primarju jew sekondarju’. Hu insista dwar il-ħtieġa li l-Istat jieħu azzjoni drastika minnufih ‘għaliex teżisti probabbiltà li s-sitwazzjoni ssir inkontrollabbli’.