Il-pjan tal-awtoritajiet tas-saħħa li jippermettu lis-swali taċ-ċinema jinfetħu, b’ċerti kundizzjonijiet, fis-7 ta’ Ġunju għadu hemm. Għalhekk id-distributuri Maltin tal-films, il-KRS Releasing, jinsabu ħerqana jippjanaw u jippreparaw għal dik id-data billi jistudjaw il-possibiltajiet u, biex insejħilha hekk, l-aħjar “stateġija” għad-distribuzzjoni tal-prodott, tal-films lill-esibituri, is-sidien tas-swali taċ-ċinema.
Anki dawn tal-aħħar qed jistennew bil-ħerqa li jibdew jilqgħu mill-ġdid lill-klijenti, is-cinemagoers, u lesti jkomplu josservaw il-linji ta’ gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa li rnexxiet fl-ewwel perjodu qasir tal-ftuħ mill-ġdid tas-swali. Tant li ma ġiex irrappurtat li kienu rriżultaw xi każi tal-Covid-19 wara li xi ħadd mar fiċ-ċinema.
Alex Pace, Direttur Maniġerjali tal-KRS Releasing, f’kummenti li ta kkonferma li huma se jkomplu jimplimentaw ir-restrizzjonijiet kollha li jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa. Huma jistennew li dawn jiġu riveduti mill-aktar fis possibbli meta tqis li n-numru ta’ każi ġodda tal-virus naqqsu b’mod inkoraġġanti ferm mill-aħħar lockdown. In-numru ta’ dawk li jistgħu jattendu fis-swali hemm bżonn jiżdied, jekk nistennew li ċ-ċinemas joperaw b’mod li jibqgħu miftuħin.
Sadattant, minn wara l-għeluq mill-ġdid taċ-ċinema, jidher li s-swali kważi kollha se jerġgħu jiftħu f’Malta u Għawdex, għajr l-Empire f’Buġibba, għall-inqas għalissa. Esibituri oħra mhux mistennija li jużaw il-kapaċità kollha tal-pultruni fis-swali, minħabba l-miżuri ta’ distanza, jew ma jiftħux is-swali kollha li għandhom mill-ewwel, biex jaraw kif ikun “sejjer is-suq”.
Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li persentaġġ għoli tal-attendenza fis-swali Maltin qabel faqqgħat il-pandemija tal-virus Ċiniż kien magħmul minn udjenza żagħżugħa Maltija iżda wkoll studenti u adulti barranin.
Minħabba l-imxija tal-istess virus dawn naqqsu drastikament, u dan issa se jkollu żgur effett fuq il-ġeneri tal-films li l-esibituri jaqblilhom juru fis-swali tagħhom.
U hawn tidħol id-dilemma tal-KRS. Se jkomplu jikkonċentraw l-aktar fuq l-udjenza żagħżugħa Maltija, jew se jvarjaw il-films għal udjenza aktar esiġenti biex ‘ipattu’ għan-nuqqas ta’ dik żagħżugħa barranija u l-barranin inġenerali? Hawn iridu jaraw ukoll kif jaħsbuha l-esibituri.
Mingħand Alex Pace sirt naf li huma bħalissa qed jaraw u jagħżlu x’qed joffri s-suq Britanniku (minn fejn huma jġibu l-films biex jidhru fiċ-ċinema Maltin), u li minħabba li fir-Renju Unit is-swali diġà nfetħu, diġà se jkunu ħarġu ċerti films qabilna, sakemm jiġu biex jiftħu dawk f’Malta fis-7 ta’ Ġunju.
Għalhekk sakemm ‘nilħquhom’ u f’pajjiżna nerġgħu, bħal qabel. nibdew naraw l-istess films li jkunu qed jintwerew (jew bdew jintwerew fl-Ingilterra ftit jiem biss qabilna), irridu nistennew mill-inqas sa tmiem Lulju.
Hemm films li skont id-dħul mill-box office, jista’ ma jkunx għaqli li ‘tiftaħ’ bihom. “Irridu nipprijoritizzaw. Xi films ma jaslux sas-swali taċ-ċinema, jew għax ma jkunx vijabbli li toħroġhom. Jew is-sidien tas-swali ma jkunux interessati li juruhom, għax jippreferu films aktar riċenti.
Għalhekk filwaqt li semmieli xi ismijiet li jistgħu jgħaddu lill-esibituri fl-ewwel ġimagħtejn, fosthom Godzilla vs King Kong, Minari u Nomadland, Tom & Jerry:The Movie, Mortal Kombat, Peter Rabbit 2 fost oħrajn, kompla li jgħid li films bħal Fast & Furious 9. Black Widow u Suicide Squad se jinħarġu fl-istess data li jinħarġu fid-dinja kollha.
Alex Pacet temm jgħid li minkejja li jistenna li sabiex dan is-settur jirritorna għas-sitwazzjoni ta’ qabel il-pandemija jridu jgħaddu bejn sena u sena u nofs – huma suffiċjentement ottimisti. Dan għax hemm dak li sejjaħlu “a fantastic line-up” ta’ films li se joħorġu, fosthom l-aktar film riċenti ta’ James Bond.
Films reklamati fis-sit tal-KRS Releasimg li se jkunu jistgħu joffru lis-sidien tas-swali mis-7 ta’ Ġunju
//= $special ?>