Il-Qorti ċaħdet talba msejjħa bħala “fittizja” ta’ €2 miljun ippreżentata minn operatur ta’ fish farm fuq inċident tal-2006 meta bastiment kien laqtu, bil-qorti tagħti kumpens ta’ €15,000. Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, li jippresjedu l-Qorti tal-Appell, sabu li filwaqt li l-bastiment kien negliġenti, fil-ħabta mal-fish farm, it-talba tal-kumpanija Mare Blu Tuna Farm Ltd għat-telf ta’ 207 tunnellati ta’ tonn b’valur ta’ aktar minn €2 miljun kienet “talba fittizja.”
Minflok, sabet li l-bastiment MV Coral Water ta’ 93 metru kkawża €15,000 fi ħsara lill-ħbula li jdawru l-fish farm. It-talba ppreżentata mill-Mare Blu kienet għal ħsara fiżika kkawżata fir-razzett tal-ħut kif ukoll għat-telf ta 207 tunnellati ta’ tonn mill-gaġġa numru 7 li sostniet li ntlaqat mill-bastiment li kkawża l-ħarba u t-telf konsegwenti tat-tonn.
Madankollu, fil-Qorti qalet ku rriżulta li l-gaġġa numru 7 qatt ma kellha xibka madwarha fil-ħin tal-ħabta u li ma kien hemm l-ebda ħuta biex taħrab fil-lejl tal-inċident. Dan il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.00pm. tas-27 ta’ Awwissu, 2006, meta l-Coral Water kien għadu kemm spiċċa jieħu l-fuel fiż-żona’il barra minn Marsaxlokk.
Mat-tlestija, il-bastiment qabad l-ankra u telaq lejn Tuzla fit-Turkija. Ftit wara li baħħar, it-tmun tal-bastiment iġġammja, u l-magna ħarġet. Meta l-bastiment poġġa d-dwal tal-gverta tiegħu, irriżulta li kien daħal f’razzett tal-ħut. Mare Blu ressaq appell wara li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet ikkonkludiet li l-bastiment ma kienx responsabbli għall-ħabta mal-fish farm u kienet miċħuda t-talba.
Il-kumpanija sostniet telf ta’ qligħ iżda l-qorti kkonkludiet li ma kinitx ressqet evidenza biex issostni t-talba tagħha, speċjalment meta l-gaġġa milquta matul l-inċident ma kellhiex xibka u l-ebda ħuta ġewwa fiha. Il-qorti kkonkludiet li ma kienx minnu li l-bastiment kisser il-gaġġa numru 7 u ġarrafha, kif kien qed jintalab.
“Dak li fil-fatt ġara kien li Coral Water qatgħet xi ħbula li ovvjament kellhom bżonn jinbidlu,” qalet il-qorti hekk kif likwidat id-danni biex tkopri l-ispiża tal-ħbula u l-ispejjeż tax-xogħol biex jerġa’ jiġi kollox f’postu . L-Avukat Ann Fenech irrappreżentat lis-sidien tal-MV Coral Water.
//= $special ?>