Internazzjonali

Repubblika Demokratika tal-Kongo: Eluf jaħarbu fost it-twissijiet dwar vulkan

Għexieren ta’ eluf ta’ nies spiċċaw evakwati minn Goma  – belt prinċipali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – fost it-tħassib dwar xi żbroff ġdid minn vulkan taz-zona. Dan waqt li l-awtoritajiet lokali wissew li l-vulkan – f’dan il-każ, il-muntanja Nyiragongo – kapaċi jerġa’ jarmi l-gliegel tal-lava u ġmied mingħajr twissija.

L-istess vulkan, li jinsab għaxar kilometri ‘il bogħod minn Goma ( fejn jgħixu madwar 670,000), fi tmiem il-ġimgħa żbroffa kwantità ta’ lava, bir-riżultat li mietu aktar minn tletin, u b’eluf jispiċċaw bla djar. Numru ta’ residenti, issa, kienu qed jirritornaw lejn l-inħawi li abbandunaw fl-aħħar jiem u fejn waslitilhom it-twissija dwar l-iżbroff ġdid potenzjali.

L-inħawi inkwistjoni ilhom il-jiem għaddejjin mit-theżżiż sekondarju – b’uħud mit-theżżiż  jeqirdu numru ta’ djar waqt li kkaġunaw ix-xquq fondi fl-art.