Ekonomija Ewropa Lokali

Riżultat pożittiv għal Malta wara l-inċertezza li ħoloq il-Gvern – PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li l-Kumitat tal-Moneyval, tal-Kunsill tal-Ewropa, approva vot li jfisser riżultat pożittiv lil Malta. Din l-aħbar tfisser nifs qawwi għall-pajjiżna, għas-sidien ta’ negozji u l-ħaddiema, b’mod partikolari f’oqsma bħas-servizzi finanzjarji fejn snin ta’ ħidma, investiment u impjiegi ta’ kwalitá kienu mhedda sforz il-mod kif il-Gvern, fl-aħħar seba’ snin, xejjen l-istrutturi u ħalla l-kriminalita’ finanzjarja tirrenja f’pajjiżna.

Filwaqt li l-fatt li Malta evitat din is-sanzjoni li kienet tkun mill-aktar dannuża, il-fatt li waslet tant qrib għal sitwazzjoni bħal din, ifisser li r-reputazzjoni tagħna sofriet dannu enormi u llum hija meqjusa bħala ġurisdizzjoni ta’ riskju għoli. Dan qed jirrestrinġi wkoll l-ħila tal-Gvern li jiddefendu ruħu kontra proposti Ewropej ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa.

Din l-inċertezza li ħoloq il-Gvern wasslet biex jitnaffar l-investiment u jintilfu opportunitajiet tajbin ta’ impjiegi.

Il-PN ifakkar li meta pajjiżna falla minn dan l-eżami fl-2019, ma kinitx l-ewwel darba li poġġa għalih.
Pajjiżna dejjem kien mar tajjeb f’rapporti simili, iżda wara sitt snin ta’ Gvern Laburista, fallih. Din iddarba l-Gvern, biex jevita li mhux biss jerġa’ jfalli, iżda saħansitra jiġi greylisted, kellu jadotta standards mill-aktar stretti, żdiedu b’mod sostanzjali ferm l-ispejjeż u l-ħidma regolatorja tan-negozji, li jistgħu jkunu mhux sostenibbli għal operaturi żgħar.

Dan ir-riżultat madankollu jfisser li sar titjib, grazzi anke għall-insistenza tal-Oppożizzjoni u s-soċjeta’
ċivili, li rreġistraw kisbiet importanti f’dan is-sens. Hu importanti li issa tkompli għaddejja l-ħidma f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tibqa’ punt fejn Malta tikseb riżultati mhux sodisfaċenti. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tilqa’ t-tisħiħ f’għadd ta’ strutturi li jiġġieldu l-kriminalita’ finanzarja, hu importanti li jkun hemm ir-rieda politika biex dawn l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu biex iseħħ ġustizzja fejn pajjiżna għadu jistenniha.

F’dan il-kuntest, l-Oppożizzjoni issa tistenna bil-ħerqa riżultat ta’ eżami importanti ieħor, dak talFinancial Action Task Force, u tesprimi t-tama li anke hawn Malta tirċievi riżultat pożittiv.