,
Raġel ta’ 57 sena li kien impjegat fis-settur tat-trasport pubbliku fetaħ in-nar fuq in-nies – fil-parti kbira nett kollegi — li kien hemm f’depot tal-ferroviji f’San Jose, f’Kalifornja, fejn ħalla numru ta’ vittmi.
L-isparatura seħħet f’sit tas-Santa Clara Valley Transportation Authority (VTA) – bl-aggressur ‘jibqa’ jispara l-arma tiegħu sal-aħħar’ anki meta l-pulizija kienu passi ‘il bogħod minnu. L-aggressur ukoll tilef ħajtu u l-indikazzjonijiet kollha juru li hu spiċċa joqtol lilu nnifsu b’tir sparat mill-arma li kien qed juża.
Talanqas tmien ħaddiema tat-trasport spiċċaw maqtula fl-isparatura li bdiet f’sezzjoni (rail yard) tad-depot u wara li kien seħħ xi diżgwid waqt laqgħa għall-impjegati.
L-aggressur, wara, kien identifikat bħala Samuel Cassidy ta’ 57 sena u mhux eskluż li hu kien qed jippjana l-isparatura minn qabel. Dan meta l-eks mara tiegħu informat lill-aġenziji tal-aħbarijiet lokali li ‘hu (Cassidy) qalilha kemm-il darba li xtaq joqtol lill-kollegi tiegħu’, u meta hi ma emmnet qatt li seta’ jasal għal dan.
L-etajiet tal-vittmi f’dan il-każ ivarjaw minn 29 sa 63 sena u r-rapporti mill-inħawi qalu li ‘l-aggressur kien jaf sew lill-vittmi li, min-naħa tagħhom, kienu midħla tiegħu sew’. Il-ġirien ta’ Cassidy, fl-istess ħin, fissruh bħala ‘bniedem ta’ waħdu u stramb’ u issa, l-awtoritajiet qed jinvestigaw jekk ir-raġel armat setax (anki) ta n-nar lid-dar tiegħu qabel il-massakru.
Id-Dipartiment tax-Sheriff ta’ Santa Clara qal ukoll li l-pulizija fl-ebda ħin ma fetħu n-nar fuq l-aggressur
Is-Santa Clara VTA – Valley Transport Authority – topera tliet linji tal-ferrovija u tieħu ħsieb ukoll madwar 70 servizz tal-karrozzi tal-linja fiz-zona partikulari.
Santa Clara hi l-akbar county fil-Bay Arena ta’ Kalifornja u tinkorpora wkoll il-famuż Silicon Valley.
Il-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, sadanittant, ikkundanna ċ-ċiklu tal-isparaturi tal-massa fl-Istati Uniti u lmenta ‘għall-fatt li l-Istati Uniti għadha ma ħaditx passi effettivi biex tnaqqas l-armi tan-nar fost il-poplu’.
Il-President Amerikan Joe Biden fisser l-iżviluppi f’San Jose bħala ‘traġedja orribbli’ waqt li ħareġ direttivi biex il-bnadar jittajru mezz’asta b’rispett għall-vittmi. Biden, fl-istess ħin, ħeġġeġ mill-ġdid biex il-Kungress tal-Istati Uniti jieħu passi aktar ‘enfatiċi’ għall-kontroll tal-armi f’idejn l-Amerikani.
//= $special ?>