Lokali Qorti

Tlieta mixlija bi traffikar ta’ kokaina

Tliet irġiel ingħataw il-libertà proviżorja wara li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ traffikar ta’ kokaina. Tyson Grech ta’ 25 sena mill-Isla, Hubert Gatt ta’ 32 sena mill-Gżira u Jeremy Borg ta’ 19-il sena u mingħajr indirizz fiss, tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar ta’ 11-il gramma droga kokaina.

Borg u Grech ġew akkużati wkoll li kisru l-ordnijiet tal-qorti. Borg dwar sentenza sospiża u Grech li kiser il-libertà proviżorja. Il-prosekuzzjoni talbet lill-qorti tiffriża l-assi kollha tal-irġiel, liema talba kienet milqugħa. L-irġiel wieġbu mhux ħatja u talbu l-libertà proviżorja, li ngħatat fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,500. Il-Maġistrat Joe Mifsud ippresieda l-każ

L-Ispettur Jonathan Ransley mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Jason Grima deher għal Grech u Borg, u l-avukat Ishmael Psaila deher għal Gatt.