EURO 2020 Futbol Sport

Wara li tħalla barra mis-selezzjoni Daniża, Billing mistenni jilgħab għan-Niġerja

Philip Billing fl-uniku partita mad-Danimarka

Il-midfielder ta’ 24 sena ta’ Bournemouth, Philip Billing tħalla barra mis-selezzjoni finali tal-kowċ nazzjonali tad-Danimarka, Kasper Hjulmand. Din l-għażla nislet diżappunt kbir fl-eks plejer ta’ Huddersfield Town, tant li qed jikkonsidra serjament li jaqleb il-lealtá tiegħu fuq livell ta’ futbol internazzjonali, u jilgħab għat-tim nazzjonali tan-Niġerja.

Filwaqt li omm Billing hija Daniża, missieru hu Niġerjan. Il-preferenza ta’ Billing dejjem kienet li jilgħab għad-Danimarka, tant li fl-2018 kien irrifjuta sejħa li saret lillu minn Niġerja biex jilgħab magħhom. Madankollu sal-lum, Billing lagħab biss darba għat-tim nazzjonali Daniż, f’partita ta’ ħbiberija li d-Danimarka rebħu 4-0 kontra l-Gżejjer Faroe. Dak in-nhar, Billing kien lagħab 72 minuta għad-Danimarka. Skont ir-regoli tal-FIFA, Billing għadu biċ-ċans li jagħżel in-Niġerja, għaliex il-partita li lagħab mad-Danimarka kienet waħda ta’ ħbiberija.

Philip Billing fl-azzjoni mat-tim nazzjonali Daniż ta’ taħt il-21 sena. F’din il-kategorija, Billing lagħab 12-il darba u skorja gowl wieħed.

La darba kowċ Hjulmand għażel li ma jinkludiħx fl-iskwadra Daniża ta’ 26 plejer għall-Euro 2020, Billing qed jikkonsidra b’serjeta kbira li jieħu ċ-ċans li jilgħab għan-Niġerja.

“Tkellimt mal-kowċ diversi drabi, allura hija xi ħaġa li ħsibt dwarha aktar wara li ma ġejtx magħżul għall-Kampjonati Ewropej. Dalwaqt se jkun hemm ukoll it-Tazza tad-Dinja u llum għandi kważi 25 sena u lgħabt biss logħba waħda internazzjonali. Nixiteq ukoll nikseb xi ħaġa aktar mill-karriera tiegħi ta’ plejer, u din hija opportunitá tajba,” qal Billing f’kummenti mal-media Daniża.