Lokali

Appell biex il-Gvern “jifhem il-konsegwenzi” dwar l-użu tal-kannabis

L‑Arċisqof żar ix‑xogħlijiet fiċ‑ċentru terapewtiku għaż‑żgħażagħ ‘Tal‑Ibwar’ immexxi minn Caritas, f’Ta’Kandja - 27/05/21Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Caritas Malta għenet 800 persuna fl-2020 – 25% minnhom bi problema bil-kannabis

L-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J Scicluna, appella lill-Gvern sabiex “jifhem il-konsegwenzi tad-deċiżjoni bir-riforma tal-liġi proposta dwar l-użu tal-kannabis”. L-Arċisqof għadda dawn ir-rimarki waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru Terapewtiku terapewtiku Tal-Ibwar fis-Siġġiewi hekk bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħolijiet qabel jiftaħ il-bibien tiegħu.

Iċ-Ċentru se jitmexxa mill-Knisja permezz ta’ Caritas Malta filwaqt li l-operat se jkun finanzjat mill-Gvern. L-għan ewlieni taċ-ċentru hu li jipprovdi programm residenzjali għal 14-il persuna, u servizzi ta’ matul il-jum ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Ir-residenti se jiġu wkoll mgħallma suġġetti bħall-agrikoltura, il-media, xogħol tal-injam, fuħħar, sport kif ukoll suġġetti akkademiċi bħall-matematika, il-Malti u l-Ingliż kif applikati għall-ħiliet l-oħra.

L‑Arċisqof żar ix‑xogħlijiet fiċ‑ċentru terapewtiku għaż‑żgħażagħ ‘Tal‑Ibwar’ immexxi minn Caritas, f’Ta’Kandja – 27/05/21Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt qal li s-sena li għaddiet, Caritas għenet madwar 800 persuna li 25% minnhom kellhom problema bil-kannabis. Qal ukoll li minbarra l-adolexxenti, f’dan iċ-ċentru se jkunu megħjuna wkoll il-qraba tagħhom.

Il-President Emeritu George Abela, li hu membru tal-bord u project leader taċ-ċentru Tal-Ibwar spjega kif l-adolexxenti se jingħataw l-għajnuna meta jkunu għadhom fil-bidu tal-problema tad-droga u b’hekk tiġi evitata ħsara ikbar. Kompla li dan iċ-ċentru se jkun qed jimla vojt li hawn bħalissa f’pajjiżna għaliex fil-preżent, l-adulti u l-adolexxenti jingħataw l-għajnuna flimkien.