Internazzjonali

Bashar al Assad jirbaħ l-elezzjoni fis-Sirja b’95.1% tal-voti

Il-mexxejja tal-Punent iqisu r-riżultat bħala wieħed illeġittimu

Fis-Sirja, Bashar al Assad mistenni jibda r-raba’ terminu tiegħu bħala President wara li rebaħ l-elezzjonijiet tal-pajjiż b’95.1% tal-voti.

Fl-ewwel reazzjonijiet wara t-tħabbira uffiċjali tar-riżultat mill-awtoritajiet Sirjani, il-mexxejja tal-Punent iddikkjaraw dan ir-riżultat bħala illeġittimu.

Skont iċ-ċifri uffiċjali 78.6% tal-votanti eliġibbli vvutwaw f’din l-elezzjoni, iżda anke dawn iċ-ċifri hemm dubji dwarhom hekk kif fl-aħħar snin il-pajjiż ra eluf ta’ persuni jaħarbu.

Is-Sirja ilha aktar minn għaxar snin b’kunflitti qliel, u hu mifhum li ribelli u truppi Kurdi ma ngħatawx vot, filwaqt li aktar minn ħames miljun refuġjat li ħarbu lejn pajjiżi ġirien għażlu li ma jixħtux il-vot tagħhom.

Intant mat-tħabbira tar-rebħa tiegħu, al Assad fuq Facebook irringrazzja lis-Sirjani “tas-sens qawwi ta’ patrijottiżmu u tal-parteċipazzjoni tagħhom” u appella biex “għall-futur tat-tfal u ż-żgħażagħ tas-Sirja nibdew minn għada b‘kampnja biex nibnu t-tama u biex nibnu s-Sirja”.