Lokali

Festa li taf tkun vittma ta’ żvilupp f’Ħal Farruġ?

Il-Kamra tan-Nar ta' San Sebastjan taħt theddida

Jekk dan il-permess joħroġ ifisser li jkun ta’ theddida fuq l-għaqdiet pirotekniċi, u theddida għal waħda mill-festi tar-raħal ta’ Ħal Qormi; pass li jaf jaffetwa lill-Għaqda tan-Nar San Sebastjan.

Dan kien l-appell li sar f’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Kunsilli ta’ Ħal Luqa u Ħal Qormi wara li ġiet sottomessa applikazzjoni sabiex razzett abbandunat f’dak li huwa magħruf aħjar bħala Wied il-Kbir jinbidel f’imħażen għal użu industrijali, filwaqt li parti oħra tal-art tinqaleb għal użu ta’ open storage.

Filwaqt li bosta saħqu li din l-applikazzjoni hi ta’ theddida għall-uniku pulmun ambjentali li hemm bejn il-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi u Ħal Luqa, dan l-iżvilupp mistenni jsarraf f’attività industrijali li tiżdied drastikament fiż-żona ….kif ukoll li Kamra tan-Nar tiġi mwaqqfa milli topera.

Net News tkellem mal-President tal-Kamra tan-Nar, Redeno Apap – illi spjega li l-kamra taghhom diġà ċċaqilqet darbtejn oħra, u kważi spiċċaw ħerġin miż-żona ta’ Ħal Qormi.

Huwa insista li hemm bżonn ta’ daqsxejn ta’ ħsieb qabel jinħarġu l-permessi bl-addoċċ filwaqt li insista li affarijiet bħal dawn qed jaqtgħu qalb il-voluntieri milli jissieħbu ma’ dawn l-għaqdiet.

Tkellimna wkoll mal-licensee tal-Kamra tan-Nar, Justin Facciol, illi sostna li wara l-kriżi li l-għaqdiet tal-festa kellhom iħabbtu wiċċhom fl-aħħar sena kawża tal-pandemija, din il-problema hija uġiegħ ta’ ras enormi u insista li hemm bżonn li xi ħadd jisma’ l-karba tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa aktar tard is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan Ħal Qormi A.D.1862 spjegat li f’isem l-istess soċjetà kif ukoll l-Għaqda tan-Nar San Sebastjan, l-Għaqda tal-Armar San Sebastjan u l-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi huma kontra l-applikazzjoni nhar il-Ħamis 5 ta’ Ġunju lill-Awtorità tal-Ippjanar se tiddeċiedi dwarha.

Huma insistew fost oħrajn li l-ebda żvilupp ma jista’ jikkalpesta id-dritt taċ-ċittadini għal kwalità ta’ ħajja aħjar u ma jistax ikun li nibqħu nintradmu taħt il-konkos u l-ġebel.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm fost l-ohrajn kunsillieri rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.

Intant id-Deputati Parlamentari Nazzjonalista Toni Bezzia, Clyde Puli u Ryan Callus tkellmu proprju fil-Parlament Malti dwar dan is-suġġett bil-għan li dan il-wied jiġi salvat u l-Kamra tan-Nar inkwistjoni tiġi protetta sabiex dan id-delizzju jiġi salvagwardjat.